Futbol internazzjonali
Juventus jirbħu d-disa’ staġun konsekuttiv

Juventus huma ċ-champions tal-Italja għad-disa’ staġun konsekuttiv. Bir-rebħa ta’ 2-0 kontra Sampdoria, il-plejers, il-coaches, l-istaff u l-partitarji ta’ La Vecchia Signora bdew jiċċelebraw f’Turin u madwar id-dinja għar-rebħ tas-36 Scudetto fl-istorja tal-klabb. Gowl f’kull taqsima minn Ronaldo u Bernardeschi kienu biżżejjed sabiex Juventus jiftħu 7 punti vantaġġ fuq Inter li jinsabu t-tieni u meta fadal biss żewġ logħbiet għal tmiem l-istaġun ma jistgħux jintlaħqu. Għall-partitarji Juventini dan huwa t-38 Scudetto fl-istorja tagħhom, għaliex jgħoddu wkoll iż-żewġ kampjonati li kienu tneħħewlhom waqt l-iskandlu ta’ koruzzjoni fil-futbol Taljan.

Dan kien l-ewwel titlu għall-kowċ Maurizio Sarri ma’ Juventus fejn iddeskriva s-suċċess bħala wieħed ‘ħelu’ wara li xejn ma kienet faċli għalih biex imexxi lill-aqwa tim fl-Italja anke matul ix-xhur tal-lockdown minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Għal Sarri, li għandu 61 sena, dan kien suċċess li kompla jibni fuq iż-żewġ kowċis ta’ qablu, għaliex fi żmien Antonio Conte Juventus rebħu tliet titli wara xulxin, imbagħad rebħu ħamsa oħra taħt Massimiliano Allegri.

Skont Sarri, il-pressjoni kienet kbira ħafna fuqu fl-aħħar ġimgħat u dan minħabba li jinsab ma’ klabb li mdorri jirbaħ. Dan kien l-ewwel suċċess għall-kowċ Taljan f’pajjiżu, għaliex l-Europa League fl-istaġun li għadda rebaħha ma’ Chelsea. “Kull sena qiegħda tkun aktar diffiċli. Mhemm xejn ċert fl-isport u mhuwiex faċli li żżomm dan il-livell. Kien staġun iebes, twil u stramb. Li rnexxilna nirbħuh meta fadal żewġ logħbiet huwa kollu mertu tal-plejers,” stqarr Sarri mal-ġurnalisti.

Bla dubju Juventus huma l-aqwa tim fl-Italja meta wieħed iqabbel l-istorja ta’ klabb ma’ieħor, għaliex filwaqt li l-bianconeri rebħu 36 kampjonat, isegwuhom hemm Milan u Inter bi 18 kull wieħed, imbagħad Genoa li rebħudisa’ kampjonati.

Għal staġun ieħor l-istilla Portugiż Cristiano Ronaldo ta imbuttatura sew ‘il quddiem lit-tim tiegħu għaliex bil-gowl tal-bieraħ laħaq rekord tiegħu stess, meta skorja fi 11-il logħba konsekuttiva. Ronaldo qiesu skorja gowl f’kull logħba għal Juventus, għax minn 36 konfront lagħab 30 u skorja wieħed u tletin gowl. Issa l-Portugiż jonqsu gowl ieħor sabiex jikser ir-rekord tal-aqwa skorer fi staġun wieħed, għaliex bħalissa jinsab gowls indaqs ma’ Felice Borel li kien skorja 31 fl-istaġun 1933-34.

Ħadd fl-aqwa ħames kampjonati fl-Ewropa ma rnexxilu jiskorja 10 gowls wara t-tkomplija tal-istaġun, għaliex kemm Raheem Sterling ta’ Manchester City u anke Robert Lewandowski ta’ Bayern Munich skurjaw disgħa.

L-ewwel ħolma ta’ Juventus saret realtà, imma issa fadal it-tieni u l-akbar ħolma, dik li f’Awwissu li ġej jgħollu t-tazza tal-aqwa kompetizzjoni Ewropea, il-UEFA Champions League.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Il-winger ta’ Borussia Dortmund Jadon Sancho ftiehem ma’ Manchester United dwar il-paga li ser jaqla’ f’Old Trafford. Iż-żagħżugħ t’20 sena għamilha ċara ma’ Dortmund li jixtieq jirritorna l-Ingilterra matul dan…

Futbol internazzjonali

Wara tant stennija, u wara li l-kampjonati domestiċi madwar l-Ewropa twasslu għat-tmiem tagħhom ħafna iktar tard mis-soltu, din il-ġimgħa sa fl-aħħar jirritornaw il-kompetizzjonijiet tal-UEFA għall-clubs li kien ilhom sospiżi minn…

Futbol internazzjonali

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Football, il-FIFA, iddeskriviet id-deċiżjoni tal-awtoritarjiet Żvizzeri li jiftħu proċeduri kriminali kontra l-President Gianni Infantino bħala assurda. Il-każ huwa dwar laqgħat li Infantino kellu mal-Avukat Ġenerali Żvizzeru Michael Lauber….

Aktar