Kamp Ewropew U17 – Ingilterra u Portugall fis-semi finali .. Ġermanja megħluba

Kampjonat Ewropew – Under 17 – Malta 2014

L-Ingilterra u l-Portugall huma l-ewwel żewġ semi finalisti fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li qed isir f’Malta.

Ingilterra …. 4

Turkija …….. 1

Fil-Gozo Stadium, l-Ingilterra għelbu lit-Turkija bl-iskor ta’ 4-1.

Fl-ewwel taqsima partita bilanċjata fejn kienu t-Torok li ħolqu l-ewwel periklu meta mal-kwarta logħob l-Ingliż Gomez waqqa fil-kaxxa lil Fatih Aktay, iżda mill-ħdax-il metru, Enes Ünal ra l-konklużjoni tiegħu salvata mill-gowlkiper Ingliż Freddie Woodman.

Enes Ünal patta għall-iżball tal-penalti minuta wara, meta minn bejn tliet difensuri Ingliżi fajjar xutt għar-rokna u poġġa lit-Torok fil-vantaġġ.

Ir-reazzjoni Ingliża waslet fit-tnejn u għoxrin minuta bil-gowl tad-draw meta wara ġirja tajba, Gomez xeħet kross lejn il-plejer ta’ Chelsea Dominic Solanke li tefa fix-xibka, biex l-Ingliżi għamlu l-iskor indaqs.

Qabel il-mistrieħ daqqa ta’ ħarta oħra għat-Torok meta huma spiċċaw jilgħabu b’raġel inqas wara li Hasan Özkan irċieva t-tieni karta safra għal fawl fuq Lewis Cook.

Fit-tieni taqsima l-Ingliżi dominanti u fid-disgħa u erbgħin minuta marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta l-eroj tal-Ingliżi fir-rebħa fuq Malta nhar il-ġimgħa Patrick Roberts, ta lejn Dominic Solanke, li ghalkemm issikkat, tefa l-ballun fix-xibka biex għaqqad id-doppjetta personali.

Tmienja u ħamsin minuta reġa kien Roberts li din id-darba sab lil Jonjoe Kenny ta’ Everton li spara fis-saqaf tax-xibka għal 3-1.

Sitt minuti wara l-Ingliżi ssiġillaw ir-rebħa bir-raba gowl meta din id-darba Adam Armstrong tefa f’xibka prattikament vojta, wara li l-gowlkiper Tork kien salva l-ewwel tentattiv ta’ Patrick Roberts.

Żvizzera ….. 0

Portugall ….. 1

Fl-ewwel partita fil-Hibernians Stadium f’Kordin, il-Portugall ukoll għamluha għas-semi finali wara rebħa ta’ 1-0 fuq l-Iżvizzera.

Rega kien Luís Mata li wara li daħal bħala sostitut, sab ruħu waħdu, u b’faċilita skorja l-uniku gowl tal-partita fl-erbgħa u ħamsin minuta, biex ta t-tieni rebħa, u kwalifikazzjoni prematura għal-Lusitani fis-semi finali.

Ġermanja .. 0

Skozja ……. 1

B’sorpriża l-Ġermanja sfat megħluba bl-iskor ta’ 1-0 kontra l-Iskozja.

Gowl għal Brittaniċi wara biss ħmistax-il sekonda mill-bidu tat-tieni taqsima meta Calvin Miller tefa kross fit-tul, ballun fuq Scott Wright li b’daqqa ta’ ras għeleb lil gowlkiper Ġermaniż Timo Königsmann.

Miktub minn...
Rodney Vassallo
Aħbarijiet Oħra

Il-manager ta’ West Ham David Moyes flimkien mal-plejers Issa Diop u Josh Cullen irriżultaw pożittiv għat-test tal-Covid-19 li sarilhom ftit sigħat ilu. L-istaff mediku tal-klabb kien infurmat bir-riżultati ftit tas-sigħat…

Juventus iffirmaw lill-attakkant Spanjol Alvaro Morata b’self għal sena mingħand Atlético Madrid. Iċ-champions Taljani ħallsu €10 miljuni sabiex ħadu lil Morata għal sena, biċ-ċans li jixtruh permanenti meta jispiċċa t-terminu…

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

Il-partitarji ta’ Seville qed jiġu ttestjati kontra l-COVID-19 hekk kif jinsabu fi triqithom lejn l-Ungerija għall-finali tas-Super Cup tal-Ħamis li ġej kontra Bayern Munich. Il-partitarji se jitħallew jidħlu jsegwu l-finali…

Aktar