Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier 2019/20: Sitta minn 14-il klabb jaqblu li għandu jiġi dikjarat null qisu qatt ma ntlagħab xejn

L-14-il klabb tal-Kampjonat BOV Premier għandhom opinjonijiet differenti dwar x’għandu jsir mill-Kampjonat BOV Premier f’dan l-istaġun jekk kemm-il darba ma jitkomplix iżda sitt klabbs qablu fil-prinċipju li dan il-kampjonat għandu jiġi dikjarat null qisu qatt ma ntlagħab xejn.

Jidher li dawn l-opinjonijiet tal-klabbs varjaw xi ftit mhux ħażin fl-aħħar jiem hekk kif il-maġġoranza tagħhom iltaqgħu u tkellmu biex joħorġu b’pożizzjoni uffiċjali.

Sal-ġurnata tal-lum, ħadd m’għandu data jew ħjiel ta’ meta jista’ jitkompla l-futbol Malti u dan minħabba l-pandemija tal-coronavirus li laqtet l-Ewropa u kważi d-dinja kollha.

Matul il-ġurnata, TVMSport għamel kuntatt mar-rappreżentanti tal-klabbs kollha tal-Kampjonat BOV Premier li l-biċċa l-kbira tagħhom tkellmu dwar x’jaħsbu u anki x’jaqbel lilhom personali.

Jidher li kważi 50% tal-klabbs tal-Premier jaqblu li l-kampjonat għandu jiġi null, daqslikieku dan l-istaġun ma ntlagħabx. Dan id-deċiżjoni għadha mhux preċiża jekk hux se tkun qed tiddeċidiha l-UEFA jew inkella l-Assoċjazzjoni tal-pajjiż, fil-każ ta’ Malta, l-MFA.

Aleksander Ceferin, President tal-UEFA kien diġà ta indikazzjoni li l-kampjonati minn madwar l-Ewropa jistgħu jiġu nulli, madankollu tista’ tittieħed il-klassifika preżenti biex inkunu nafu liema huma t-timijiet li s-sena d-dieħla se jikkompetu fil-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League.

Valletta FC, Santa Lucia, Senglea Athletic, Tarxien Rainbows, Sliema Wanderers u Gudja United jaqblu li jekk il-kampjonat ma jitkomplix għandu jiġi null daqslikieku qatt ma ntlagħab.

Floriana, Hibernians, Sirens, Gżira United, Hamrun Spartans u Mosta jaqblu li jekk il-kampjonat jieqaf kif inhu, għandu jibqa’ kollox kif inhu u jiġu premjati u kkundannati t-timijiet skont il-klassifika preżenti.

Birkirkara u Balzan qalu li għandu jinstab mezz kif il-kampjonat jitkompla u jekk le, il-flus tal-UEFA għandhom jitqassmu bejn l-ewwel sitt timijiet li kellhom iċ-ċans li jikkompetu fl-Ewropa staġun ieħor.

TVMSport ħa l-kummenti tal-klabbs kollha tal-Premier. Dawn kienu r-reazzjonijiet:

Victor Sciriha, President ta’ Valletta: “Il-kampjonat għandu jiġi null. Fadal biżżejjed partiti biex jista’ jiġri kollox. Biżżejjed tara x’ġara fl-aħħar snin. Ma konnix l-ewwel sa nofs it-tieni rawnd u rbaħna l-kampjonat. Jekk il-kampjonat jiġi null għandha tgħodd il-klassifika finali tal-istaġun li għadda u mhux dik preżenti.”

Dione Borg, Segretarju ta’ Floriana: “Aħna xtaqna li l-kampjonat ikompli. Ilna fl-ewwel post mill-bidu u bqajna l-ewwel sakemm waqafna. Dawn huma ċirkostanzi straordinarji mad-dinja kollha u mhux f’Malta biss. Diġà ntlagħbu 75% tal-partiti u ma tistax tannulla xi ħaġa meta waslet fl-aħħar. Irridu noqogħdu mal-awtoritajiet mediċi u mhu tort ta’ ħadd li ġara hekk. Il-klassifika għandha tibqa’ dik li hi fil-preżent. Aħna lesti noqogħdu għad-deċiżjonijiet kollha iżda ma tistax twarrab l-investiment li sar din is-sena mill-klabbs.”

Ranier Bezzina, Viċi President ta’ Hibernians: “Il-klassifika għandha tibqa’ dik li hi. Aħna lesti mmorru mad-deċiżjoni finali tal-maġġoranza iżda naħseb li ħadd ma jrid u jaqbillu li l-ispejjeż kollha li għamel dan l-istaġun jisfumaw fix-xejn. Fattur ieħor ta’ importanza hu l-integrità tal-kampjonat u l-prinċipju tal-fair play. Aħna għadna fil-ġlieda għall-kampjonat u hemm klabbs li issa irrillaxaw il-plejers u ha jilagħbu kontra timijiet b’tim kompletament differenti u iktar dgħajjef minn dak li lagħab kontrina għax magħna kienu għadhom full team bil-barranin kollha għad dispożizzjoni.”

Frank Zarb, President ta’ Birkirkara: “Jekk il-kampjonat jiġi null ikun falliment finanzjarju kbir għal kulħadd. Min-naħa l-oħra ma tistax twaqqaf kollox kif inhu meta fadal sitt partiti u 18-il punt x’jintrebħu. Birkirkara ħlisna lit-timijiet il-kbar kollha u ċ-ċansijiet kienu kollha li nidħlu mal-ewwel erbgħa. Jekk il-kampjonat ma jitkomplix, il-flus li ġejjin mill-Ewropa għandhom jinqasmu bejn l-ewwel sitt timijiet li konna kollha biċ-ċans. Hekk ma jweġġa’ ħadd. Iżda xorta rridu li l-kampjonat jitkompla. Kif u come trid tinstab soluzzjoni.”

Mark Borg Hedley, President ta’ Sirens: “Il-klassifika għandha tibqa’ dik li hi. Mhux nara possibbiltà li l-futbol jitkompla għal dan l-istaġun. Qabel ma nfiequ mhux għaqli li npoġġu lil xi ħadd f’riskju. Klassifika għandha tibqa’ u l-flus tal-UEFA għandhom jinqasmu bejn l-ewwel sitt timijiet li kienu biċ-ċans jidħlu fil-kompetizzjonijiet. L-ikbar uġigħ ta’ ras tagħna l-klabbs huma l-pagamenti tal-plejers.”

Keith Perry, President ta’ Sliema Wanderers: “Ma tista’ qatt tiġi ‘as it stands’. Irid jiġi null. Qisu qatt ma sar. Ma jiġi relegat ħadd, ma jitla’ ħadd u ma jirbaħ ħadd.”

Gejtu Debattista, President ta’ Hamrun Spartans: “Il-kampjonat għandu jibqa’ kollox kif inhu. Li tiġi tgħidli ejja nkomplu tlieta jew erba’ xhur oħra ma tagħmilx sens.”

Peter Cipriott, Teżorier ta’ Balzan: “Għalja personali jekk se jiġi null għandhom jiddeċiedu l-ewwel erba’ timijiet fil-klassifika ta’ bħalissa dwar kif se jaqsmu l-flus tal-UEFA. Jien ma jien ħadd biex niddeċiedi għalihom la minix magħhom. Il-UEFA se tnaqqas ħafna mill-flus li normalment tagħti u allura tista tgħid li l-kwistjoni se ddur kollha dwar jekk għandux jingħata t-trofew tal-kampjonat jew le.”

Owen Vella, Teżorier ta’ Mosta: “Għad m’hemmx data u ħjiel meta se jitkompla u allura jekk se jieqaf għandha tibqa’ l-klassifika li hi u kulħadd jimxi minn hemm. Xorta mhux ġust peress li fadal sitt partiti x’jintlagħbu iżda xi ħaġa jrid isir.”

Martin Agius, President ta’ Santa Lucia: “Mhux kwistjoni ta’ null jew jibqa’ kollox kif inhu. Irridu nieħdu kollox mil-lat ħolistiku. Jiġifieri jien se niġi relagat għax qiegħed it-tielet mill-aħħar meta fadal sitt partiti x’jintlagħbu? Il-kwistjoni hi kollha ta’ kalendarju Ewropew u rridu narawha minn fuq għal isfel. Jien nixtieq li nkomplu, imma nistgħu? Il-kampjonat għandu jiġi null qisu qatt ma ntlagħab.”

Reuben Debono, President ta’ Senglea Athletic: “Naqbel li jiġi null. Ma tistax tieħu riżultat finali meta fadal sitt partiti x’jintlagħbu. Jiġifieri jien l-isforz li għamilt biex insaħħaħ l-iskwadra u nipprova nsalva se jisfuma fix-xejn? Ma nistax niġi relegat meta fadal 18-il punt x’jintrebħu.”

Hubert Zammit, Segretarju ta’ Tarxien Rainbows: “Naqblu li l-kampjonat għandu jiġi null. Irridu nkunu onesti u ngħidu li kulħadd se jara x’jaqbel lilu f’din il-biċċa. Ma tistax tassenja xi ħaġa meta fadal 6 partiti x’jintlagħbu. Irid jingħata xi tip ta’ kumpens lit-timijiet tal-ispejjeż li kellhom f’dan l-istaġun.”

Duncan Borg Myatt, President ta’ Gudja Utd: “Għandu jiġi null. Għall-fini tal-Ewropa għandha tittieħed il-klassifika finali u l-flus imorru skont il-klassifika preżenti. Naħseb li dawn huma l-aktar deċiżjonijiet li fihom bilanċ għal kulħadd.”

Sharlon Pace, President ta’ Gżira United: “Bħalissa ħadd ma jaf fejn qiegħed. Kulħadd fl-għama u għandha tittieħed deċiżjoni li tagħmel sens għal kulħadd. Jien naħseb li għandhom jintlagħbu partiti play-offs bejn l-ewwel tlieta għal min jirbaħ il-kampjonat, imbagħad jintlagħbu play-offs bejn il-ħamsa ta’ wara għal min jidħol fl-Europa League. Jekk anqas dawn il-partiti ma jkollhom ċans jintlagħbu għandha tittieħed il-klassifika ta’ bħalissa għal fini tal-Ewropa u l-flus jinqasmu bejn l-ewwel sitta li għadhom biċ-ċans jikkwalifikaw.”

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Steve Borg, id-difensur tat-tim nazzjonali Malti u l-plejer li għal dawn l-aħħar snin mexxa d-difiża ta’ Valletta FC, fis-sigħat li ġejjin se jsir plejer ta’ Gżira United FC. Borg hu…

Futbol lokali

Sitt klabbs tal-kampjonat BOV Premier ingħataw il-liċenzja tal-UEFA li biha jistgħu jikkompetu fl-istaġun li ġej. Dawn il-klabbs huma Balzan, Floriana, Gżira United, Hibernians, Sirens u Valletta. Dawn il-liċenzji ngħataw wara…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association, fi stqarrija, uriet solidarjetà mal-gowlkiper nazzjonali Rashed Al-Tumi li fl-aħħar sigħat sofra minn kummenti ta’ razziżmu fuq il-media soċjali. L-MFA qalet li l-kummenti li nkitbu saru minn…

Futbol lokali

L-ex plejer internazzjonali Malti Andre’ Schembri nħatar kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Apollon Limassol. Apollon Limassol hu t-tim li Schembri lagħab miegħu bħala plejer professjonali f’Ċipru bejn l-2017…

Aktar