Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: L-Ispartans jirbħu kontra l-Pawlisti, pass importanti lejn it-titlu

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

ĦAMRUN S. ……….1

HIBERNIANS…….. 0

Pass importanti minn Ħamrun Spartans lejn ir-rebħ tat-tmien kampjonat fl-istorja hekk kif b’gowl fl-aħħar minuta tal-partita għelbu lil Hibernians biex fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fil-quċċata tal-klassifika.

Iż-żewġ timijiet kienu għaddejjin minn mument ta’ inbattibilta fejn Ħamrun kienu ilhom ma’ jitilfu sbatax il-partita b’Hibernians għaxra. Kemm Ħamrun kif ukoll Hibernians rebħu l-aħħar sitt logħbiet tagħhom.

Għal din il-partita importanti Ħamrun kellhom in-nuqqas ta’ Joseph Mbong flimkien ma’ Emerson Marcelina u Oyama. Mill-banda l-oħra ebda problemi ta’ formazzjoni għal Hibernians.

Fl-ewwel rawnd il-konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet spiċċa fi draw ta’ 2-2. 

Fl-ewwel ħinijiet tal-partita l-logħob żvolġa f’nofs grawnd biex fit-23 minuta waslet l-ewwel azzjoni meta Soares niżżel bir-ras lejn Sasere bil-kross ta’ dan tal-aħħar isib lil Doumbia li bir-ras xeħet barra. U man-nofs siegħa logħob free-kick għal Ħamrun minn tarf il-kaxxa iżda Soares ikkonkluda għoli.

Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima l-ewwel ċans għal Hibernians hekk kif Gilmar ġab lil Degabriele f’posizzjoni ideali iżda l-attakkant Pawlist ikkonkluda fjakk f’idejn il-gowlkeeper Bartolo.

Tnax il-minuta mit-tmiem ċans tajjeb għal Hibernians meta Degabriele ġab lil Gilmar waħdu fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu għadda tul il-lasta u spiċċa barra. U minuta wara  xutt ta’ Degabriele kien imdawwar f’korner minn Bartolo.

Fl-84 minuta kontrattakk ta’ Ħamrun meta Ailton Soares qassam lejn Doumbia iżda l-pass kien twil wisq biex l-azzjoni sfumat fix-xejn.

L-izvolta tal-partita tlett minuti mit-tmiem wara li Ferdinando Apap waqqa Dielna fil-kaxxa. Wara protesti kbar minn Hibernians kien Seydou Doumbia li kkonverta mill-ħdax il-metru.

Fil-ħin mogħti żejjed żewġ free-kicks għal Hibernians it-tnejn mogħtija minn Gilmar fejn fl-ewwel okkażjoni salva Bartolo u ftit wara l-ballun għadda jħakkek mal-mimduda.  

Formazzjonijiet:

Ħamrun S.   –   E. Bartolo, D. Gojkovic, M. Guillaumier, J. Ailton Soares, F. Sasere, E. Serrano Valero, J. Corbalan, P. Djordjevic, K. Micallef, C. Dielna, S. Doumbia (I. Adeshina 90’)

Hibernians  –  M. Calleja Cremona, F. Apap, L. Almeida, R. Dos Anjos (J. Wilkson 86’), J. Grech (T. Fonseca 66’), J. Degabriele (I. Iriberri 86’), B. Kristensen, D. Vella, G. Izquier (A. Attard 90’), A. Agius, G. Da Silva Ribeiro   

Referee –   Trustin Farrugia Cann 

BOV Player tal-Logħba –   Leandro Almeida (Hibernians)  

Miktub minn...
TVM Sport
.