Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Balzan jegħlbu lil Gzira u jilħquhom f’nofs il-klassifika

BOV Premier League 2021/2022

Gzira U…………………1

Balzan………………….2

Balzan jirritornaw għar-rebħ meta jegħlbu lil Gzira U. bl-iskor ta’ 2-1, Balzan li jdawru telfa f’rebħa.   Balzan li jilħqu lil Gzira U. fuq 9 punti f’nofs il-klassifika bil-Balzanin li kien jimmeritahom din ir-rebħa, f’partita li ma kienx hemm xi differenzi kbar bejn it-timijiet.

Fis-7 minuta, l-ewwel azzjoni tal-partita tkun dik Balzanija, Uros Ljubomirac jgħaddi ballun tajjeb lil Bojan Kaljevic, pero’ dan tal-aħħar inkredibbilment minn taħt il-lasti jitfa’ għoli ferm mil-lasti ta’ Anthony Curmi bejn il-lasti ta’ Gzira U.

Fit-38 minuta, Balzan jerġa jkollhom tentattiv ieħor, żball ta’ Luke Tabone fid-difiża, b’Bojan Kaljevic pero’ ma japprofittax, meta minn tarf il-kaxxa jitfa’ għal kollox barra mil-lasti ta’ Gzira.

Tmiem l-ewwel taqsima-Gzira U. 0-0 Balzan

Tieni taqsima; 48 minuta u l-Maroons ikollhom ċans tajjeb ferm li jmorru fil-vantaġġ, azzjoni li mmaturizzat fuq in-naħa tax-xellug, ballun li jispiċċa jasal f’saqajn Steve Pisani li minn ftit metri bogħod mil-lasti jitfa’ biss għoli quddiem Jake Galea, l-internazzjonali Malti bejn il-lasti ta’ Balzan.

56 minuta, u Gzira U. b’azzjoni oħra tajba mix-xellug, ikun Yuri Messias li jkollu l-konklużjoni tiegħu fil-kaxxa, li eventwalment tiġi mtajjra f’korner mid-difiża ta’ Balzan.

59 minuta, u Gzira U. fil-vantaġġ, korner mil-lemin ta’ Steve Pisani, jidħol bir-ras iż-żagħzugħ Nevin Portelli, ballun li jispiċċa fix-xibka ta’ Balzan, għal Gzira U. 1-0 Balzan.

65 minuta, u s-sostitut Milan Duric ta’ Balzan ikollu tentattiv minn barra l-kaxxa ta’ Gzira U., bil-ballun pero’ li jispiċċa għoli mil-lasti Gżirjani.

67 minuta, Balzan jiksbu l-parita’, korner mil-lemin, bil-ballun li jispiċċa jaħbat mal-plejer ta’ Gzira U. Nevin Portelli, ballun li jispiċċa fix-xibka, b’Portelli li din id-darba jitfa’ fix-xibka l-ħażina.

Minuta wara, u Balzan idawru r-riżultat, Ljubomirac mil-lemin minn barra l-kaxxa jkollu l-konklużjoni tiegħu mhux miżmuma tajjeb minn Anthony Curmi bejn il-lasti ta’ Gzira, li pront japprofitta is-sostitut Aleksa Andrejic li jitfa’ fix-xibka, għal Gzira U. 1-2 Balzan.

89 minuta, u Balzan ikollhom azzjoni oħra fejn is-sostitut Milan Duric jitfa’ ftit barra minn tarf il-kaxxa mix-xellug.

BOV Plejer tal-Partita-Uros Ljubomirac (Balzan)

Referee-Alex Johnson

Miktub minn...
TVM Sport