Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Balzan jirbħu b’mod drammatiku

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/2022

Balzan……1

Sliema……0

Balzan kisbu tliet punti drammatiċi fl-ewwel ħarġa tagħhom ta’ dan l-istaġun meta għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 1-0. Kienet partita ferm divertenti fl-ewwel taqsima b’diversi okkażjonijiet ta’ skor għalkemm fit-tieni 45 minuta, wieħed seta’ jgħodd iċ-ċansijiet fuq subgħajh.

Balzan kienu ferm viċin li jiftħu l-iskor fl-14-il minuta meta frikik tajjeb ta’ Milan Duric stampa mal-wieqfa.

Minuta wara, Balzan ferm sfortunati meta wara kross mil-lemin, kien Bojan Kaljevic li ra x-xutt tiegħu jispiċċa ċentimetri barra mil-lasti Slimiżi.

Fis-37 minuta, Sliema jersqu għall-ewwel darba lejn il-lasti Balzanin meta xutt ta’ Uchida jgħaddi għoli.

Fit-38 minuta, protesti Slimiżi meta Raphael Kooh Sohna ġie mwaqqa’ fil-kaxxa iżda r-referi ħalli l-logħob għaddej.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, frikik fil-baxx u ċentrali ta’ Kurt Shaw għal Sliema sab lil Vranes attent.

Bl-ewwel taqsima ferm movimentata tagħlaq fi dro ta’ 0-0.

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-logħba naqas xi ftit u kellna nistennew sas-67 minuta sabiex naraw okkażjoni oħra hekk kif is-sostitut Omar Elouni ra x-xutt tiegħu jiġi milqugħ minn Vranes.

Sabiex fil-ħin mogħti żejjed kienu Balzan li skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta kien Milan Duric li xxuttja tajjeb bil-ballun jispiċċa ġewwa u b’Timothy Aquilina maħsud.

Balzan : Vranes Vukasin, Augustine Loof, Samir Arab (Gary Camilleri 68 min), Marcus Grima, Milan Duric, Paul Fenech, Michael Johnson (Milos Zlatkovic 55 min), Uros Ljubomirac, Milos Mijic (Alex da Paixao 55 min), Bojan Kaljevic (Aleksa Andrejic  68 min) , Sean Cipriott.

Sliema Wanderers: Timothy Aquilina, Hassam Warsama (Miguel Fernandez 72 min), Juan Pablo Morales, Kurt Shaw, Yuki Oshida (Matheus Freitas 82 min), Edmond Agius, Jake Engerer (Omar Elouni 57 min), Gabriel Aquilina, Myles Beerman, Raphael Kooh Sohna, Dejan Vukovic.

Referi: Daniel Portelli

Skor Finali: Balzan 1 Sliema 0

BOV Plejer tal-Logħba kien Gabriel Aquilina ta’ Sliema Wanderers

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'