Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Balzan jirbħu kontra Sliema

KAMPJONAT BOV PREMIER 2017/18

SLIEMA WDS…….1

BALZAN …………..2

Kienet mistennija partita interessanti bejn dawn iż-żewġ klabbs għal diversi raġunijiet. Balzan kellhom l-intenzjoni illi jikkonfermaw is-supremazija tagħhom wara li ilhom rawnd sħiħ ma jitilfu filwaqt illi s-Slimiżi riedu jirritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ tliet partiti.

John Buttigieg ma setax jinkludi lil Mark Scerri u Ricardo Correa minħabba sospensjoni filwaqt illi Balzan kellhom lil Ivan Janjusevic imweġġa.

Fl-ewwel rawnd dawn iż-żewġ timijiet spiċċaw fi dro ta’ 0-0.

Balzan bdew juru l-aħjar logħob fl-ewwel taqsima u fit-22 minuta kien Bojan Kaljevic illi mpenja lil Glenn Zammit illi xeħet il-ballun f’korner.

Fit-37 minuta, azzjoni insistenti ta’Effiong illi daħal fil-kaxxa sabiex il-ballun wasal għand Uros Ljubomirac illi b’xutt mill-ewwel jara l-ballun imurlu għoli.

Stefano Bianchardi kien provvidenzjali fil-41 minuta meta qala’ minn fuq il-linja daqqa ta’ ras ta’ Alfred Effiong.

Lejn it-tmiem kross-xutt perikoluż ta’ Alex Alves kien imxellef b’ħila kbira minn id il-gowlkiper Glenn Zammit.

Bl-ewwel taqsima li spiċċat fi dro ta’ 0-0.

Il-partita kompliet fuq l-istess pjan fit-tieni taqsima b’Balzan jattakkaw u Sliema jiddefendu filwaqt illi jtellgħu l-kontrattakki.

Fil-51 minuta wara kross mil-lemin kien Alex Alves illi xxuttja mal-ewwel bil-ballun jispiċċa kemm kemm barra.

Fit-63 minuta kien Bojan Kaljevic illi bid-dawra fajjar xutt bomba li mar għoli.

Il-gowl kien fl-arja u kif mistenni Balzan fetħu l-iskor fis-66 minuta. Kien xogħol tajjeb ta’ Alex Alves illi avvanza tajjeb u xeħet kross lejn Uros Ljubomirac illi b’xutt mal-ewwel ħasad lil Zammit.

Ħames minuti wara kien Alfred Effiong illi ttanta xortih minn barra l-kaxxa bil-ballun imur ftit barra.

Sliema ppruvaw fil-81 minuta b’xutt ta’ Sansone li mar barra.

Balzan illi aċċertaw ruħhom mit-tliet punti meta Bojan Kaljevic għadda lejn Ljubomirac illi b’xutt fil-baxx għeleb għat-tieni darba lil Zammit u nkuruna wirja mill-aqwa b’doppjetta personali.

Sliema naqqsu l-marġni tal-iskor fil-ħin mogħti żejjed mir-referi permezz ta’ frikik pinġut ta’ Mattias Muciardi.

Iżda minkejja kollox kienu Balzan illi ssoktaw b’dan il-mument pożittiv u baqgħu liders assoluti fil-klassifika b’punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Valletta.

Riżultat finali: Sliema Wanderers 1  Balzan 2.

BOV Plejer tal-Logħba kien Bojan Kaljevic.

Referi kien Alan Mario Sant.

Miktub minn...
Sandro Micallef
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Sports Panorama.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Telghu l-poloz tal-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League u ċ-Champions Maltin Valletta telgħu biex jilgħabu kontra Kukesi tal-Albanija. Ir-rebbieħa tal-logħbiet jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League filwaqt li t-telliefa…

Futbol lokali

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena se jkun qed jilgħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra ż-żgħażagħ tal-klabb Taljan ta’ Frosinone waqt kamp ta’ taħriġli se jsir fl-Italja aktar tard…

Futbol lokali

Michael Mifsud huwa plejer ta’ Birkirkara FC. Jidher li Birkirkara laħqu ftehim mal-captain tat-tim nazzjonali Malti fl-aħħar jiem hekk kif sar jafu li l-plejer kien se jtemm l-avventura tiegħu minn…

Futbol lokali

Partita minn Grupp 6 ta’ taħt il-21 sena, ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej fl-Italja s-sena d-dieħla: Telfa ta’ 4-0 għal Malta kontra l-Iżvezja fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali. L-Iżvedizi ħadu biss 3…

Aktar