Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Bejn illum u għada jintlagħbu l-logħbiet deċiżivi fin-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel tal-klassifika

Bejn illejla u għada tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier bi programm ta’ seba’ logħbiet, b’erbgħa jintlagħbu llejla u tlieta jintlagħbu għada. Kif tista’ tkun id-dinamika tal-aħħar ġurnata tal-istaġun? Min jista’ jirbaħ il-kampjonat u min jista’ jiġi relegat?

 

Illejla – Stadium Nazzjonali

18:00 Tarxien R. – Floriana

Din prattikament hija l-uniku logħba bla storja li għandna bejn illum u għada, għaliex kemm ir-Rainbows u anke l-Greens huma moħħhom mistrieħ minn post fil-Premier fl-istaġun li ġej. Għalkemm it-tnejn li huma jistgħu jinqabżu jekk jitilfu dan il-konfront, biss xorta waħda mhu ser ikun hemm l-ebda periklu u allura dawn iż-żewġ timijiet ser itemmu l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’mod trankwill.

20:00 Qormi – Mosta

Il-Qriema għandhom bżonn rebħa. Bi draw jew telfa jkunu kkundannati mill-ewwel għall-Ewwel Diviżjoni. Imma Qormi mhux biss iridu jirbħu huma, imma jittamaw ukoll li St Andrews jieħdu żelqa sabiex b’hekk ikunu huma li jakkwistaw dak it-tielet post mill-aħħar, il-post tal-play-off. Jekk Qormi jirbħu u l-istess jagħmlu s-Saints, allura l-Qriema jkunu relegati. Imma jekk Qormi jirbħu u St Andrews jispiċċaw il-konfront fi draw, iż-żewġ timijiet jispiċċaw bi 3 punti u jkollha tintlagħab decider dwar min ser jiġi relegat u min ser jokkupa l-post tal-play-off.

 

Illejla – Hibernians Stadium

20:00 St Andrews – Gżira UTD

Biex St Andrews jagħmlu ċert li jżommu posthom fil-Premier, għallinqas momentarjament, għandhom bżonn rebħa. Is-Saints ma jistgħux ifallu punti llejla, għaliex b’rebħa għal Qormi jkun ifisser li jew jispiċċaw jiġu relegati huma, inkella jispiċċaw jilagħbu decider. Imma jekk St Andrews jirbħu, jistennew ir-riżultat tas-Senglea Athletic, għaliex jekk l-Isla jiġu draw, dan ikun ifisser li trid tintlagħab decider bejniethom dwar min ser ikun salv u min ikollu jilgħab il-play-off. Hu x’inhu, St Andrews illejla jridu rebħa bilfors.

 

Illejla – Victor Tedesco Stadium 

20:00 Birkirkara – Senglea A.

Jekk Senglea jridu jserrħu rashom matematikament, allura xejn inqas minn rebħa ma tissodisfahom, u b’hekk jagħmlu ċert li jżommu posthom fil-Premier, u jistgħu anke jilħqu lir-Rainbows jekk dawn ikunu tilfu l-logħba kontra Floriana. Imma l-Athletic iridu joqgħodu attenti, għaliex nofs żelqa tista’ tfisser li jkollhom jilagħbu decider mas-St Andrews jekk dawn tal-aħħar jirbħu, u allura jistgħu jispiċċaw jilagħbu l-play-off kontra t-tielet tim mill-Ewwel Diviżjoni. Għall-Isla forsi l-fatt li l-Karkariżi m’għandhom l-ebda interess għall-fini tal-klassifika jista’ jserrħilhom rashom xi ftit, imma llejla xorta jrid ikollhom 90 minuta mill-aqwa li warajhom jittamaw li jkunu salvi.

 

Għada – Stadium Nazzjonali

16:00 Ħamrun S. – Valletta

Iċ-champions renjanti u l-leaders tal-klassifika bħalissa, Valletta, jistgħu jżommu t-titlu jekk kemm-il darba jirbħu lill-Ispartans fl-Istadium Nazzjonali. Min-naħa tagħhom Ħamrun għandhom bżonn għallinqas punt jekk iridu li jassiguraw post fl-Europa League fl-istaġun li ġej, għaliex jekk huma jiġu draw u Balzan jirbħu kontra Hibernians, allura jkollhom jilagħbu decider bejniethom għar-raba’ post. Għal Valletta, draw jista’ jkun biżżejjed jekk il-Pawlisti ma jeħdux it-tliet punti kontra Balzan, imma jista’ wkoll ikollna decider jekk il-Beltin jieħdu biss punt u Hibernians jieħdu l-punti massimi.

 

Għada – Hibernians Stadium

16:00 Hibernians – Balzan

Hibernians iridu jirbħu bilfors. Biex forsi jżommu xi ftit it-tama li jistgħu jirbħu l-kampjonat, il-Pawlisti jridu 3 punti u jittamaw li Ħamrun b’xi mod iżommu lil Valletta. Ir-rebħa ta’ Hibernians tista’ tkun għalxejn jekk kemm-il darba Valletta jirbħu, imma b’żelqa mill-Beltin, Hibernians jistgħu jagħmlu l-imprevidibbli u jirbħu l-kampjonat. Żgur li għallinqas tal-pagun jittamaw li l-Ispartans iżommu lil Valletta draw, filwaqt li huma jegħlbu lil Balzan, sabiex xejn xejn jisfurzaw decider, imbagħad min ikun l-aqwa fil-ġurnata jirbaħ il-kampjonat. Il-Pawlisti jafu li dan mhuwiex tragward faċli, imma sakemm jibqa’ xaqq ta’ dawl, jibqgħu jittamaw.

 

Għada – Centenary Stadium

16:00 Sliema W. – Pietà H.

Din il-logħba ser tintlagħab mat-tnejn l-oħra minħabba li l-Wanderers għadhom b’ċans minimu li jiksbu r-raba’ post. Filwaqt li l-Hotspurs diġa’ huma relegati, Sliema jridu t-3 punti u jridu jħarsu lejn dak li jkun qiegħed jiġri fl-istadiums l-oħra. Biex Sliema għallinqas jisfurzaw decider għar-raba’ post, iridu l-ewwel jirbħu huma, imbagħad jittamaw f’telfa’ għall-Ħamrun u għallinqas draw jew telfa għal Balzan, biex b’hekk il-Wanderers jitilgħu b’45 punt daqshekk għandhom l-Ispartans. Żgur li s-Slimiżi jafu li din hija missjoni diffiċilissima, imma l-futbol jintlagħab fil-ground, u allura kollox jista’ jseħħ fid-90 minuta t’għada.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Darren Abdilla hu l-kowċ il-ġdid ta’ Valletta FC. Hu ffirma kuntratt li se jorbtu mal-klabb sal-istaġun 2021/2022. L-aħbar saret uffiċjali ilbieraħ filgħaxija. Abdilla kien strumentali biex Gżira United FC għamlu…

Futbol lokali

Bob Higgins, l-ex Youth Development Officer tal-Malta Football Association, instab ħati fuq 45 kap ta’ akkuża ta’ abbuż sesswali fuq 23 tifel. Higgins kien ingħata din il-kariga fl-MFA f’Lulju tal-1989…

Futbol lokali

Manuele Blasi, l-ex plejer tas-Serie u tat-tim nazzjonali Taljan, mil-lum sar il-kowċ ta’ Hamrun Spartans FC. Blasi se jkun qed jibdel lil Giovanni Tedesco li ħalla l-kariga tiegħu biex ingħaqad…

Futbol lokali

Brandon Cassar, Nickolas Paris u Mattia Calleja huma tliet plejers li jiffurmaw parti mill-iskwadra ta’ taħt it-13-il sena ta’ Fgura United F.C. u li għadhom kif esperjenzaw erbat ijiem taħriġ fi Siena, fl-akkademja…

Aktar