Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Birkirkara jirritornaw għar-rebħ b’wirja konvinċenti kontra Valletta

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

BIRKIRKARA….2

VALLETTA……..0

Birkirkara rritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Ħamrun Spartans dan wara li huma għelbu lir-rivali Valletta b’gowl f’kull taqsima.

Wara żewġ minuti logħob cross ta’ Cain Attard u konklużjoni akrobatika minn Falcone ġiet newtralizzata minn Cini.  Valletta rrispondew ħames minuti wara meta minn pass fit-tul ta’ Ryan Fenech l-ballun wasal għand Fontanella bix-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.

Fil-11 il-minuta Valletta perikolużi meta xutt minn ġol-kaxxa ta’ Piciollo stampa mal-wieqfa. U minuta wara free kick minn Fenech kien salvat minn Guarnone. Biex fit-28 minuta Briffa bit-takkuna lejn Da Paixao bil-cross fil-baxx ta’ dan tal-aħħar jiġi kklerjat f’corner qabel seta’ jilħaq Falcone.

Man-nofs siegħa logħob żball fid-difiża Beltija minn Caruana ppermetta lil Da Paixao li javvanza waħdu iżda jdum jaħsiba biex Cini mblokka.  Seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Birkirkara fil-vantaġġ hekk kif Da Paixao qassam lejn Falcone bix-xutt tal-Arġentin jiġi devjat mid-difiża Beltija bil-ballun jasal f’saqajn Luke Montebello li waħdu quddiem Cini tefa’ fix-xibka.

Mal-50 minuta Valletta resqu viċin meta cross fil-baxx ta’ Dimech sab lil Fontanella bix-xutt tiegħu jfalli l-mira għal ftit. Fit-62 minuta ċans doppju għal Valletta li laqtu l-lasta b’xuttijiet ta’ Pena Beltre u minn Piciollo. Biex tlett minuti wara Valletta viċin għal darb’oħra meta minn corner ta’ Fenech xutt ta’ Fontanella ġie mdawwar f’corner minn Guarnone.

Fis-76 minuta l-ewwel ċans għal Birkirkara fit-tieni taqsima hekk kif Montebello qassam lejn Briffa bix-xutt tal-captain Karkariż jgħaddi ftit barra. Birkirkara serrħu rashom mir-riżultat sitt minuti mit-tmiem hekk kif fuq cross ta’ Bonanni kien Caio Prado li minn taħt il-lasta ma’ żbaljax.

Birkirkara  –   S. Guarnone, E. Pepe, L. Montebello, P. Mbong (C. Bonanni 68’), R. Briffa (G. Farrugia 88’), K. Zammit, R. Alidor, F. Falcone, C. Attard, O. Carniellio, A. Da Paixao (C. Prado 79’)

Valletta   –    Y. Cini, T. Caruana, S. Malano, M. Piciollo, E. Pena Beltre (K. Nwoko 76’), E.Sala, R. Muscat, L. Aguirre, R. Fenech, M. Fontanella, L. Ribeiro Campos (S.Dimech 46’)

Referee –  Alex Johnson

BOV Player tal-Logħba – Luke Montebello (B’Kara)

 

Miktub minn...
TVM Sport