Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Draw u punt kull wieħed għal Balzan u Hamrun Spartans

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Balzan……………..2

Ħamrun S…………2

Balzan u Ħamrun ħadu punt kull wieħed fi tmiem logħba sabiħa li pproduċiet erba’ gowls u numru ta’ ċansijiet ta’ skor. Riżultat li l-aktar li ssodisfa kien lil Hibernians u Gzira.

Ħamrun fetħu l-iskor fil-15 il-minuta meta Joseph Mbong minn fuq il-linja tal-lemin qassam lejn Predrag Djordjevic li wara li avvanza fil-kaxxa b’xutt fil-baxx għeleb lil Mintoff.  Risposta ta’ Balzan fis-26 minuta meta minn cross ta’ McWoods kien Suleiman Jalu li naqas li jolqot bir-ras minn quddiem il-lasta.

Balzan kisbu l-gowl tad-draw fil-41 minuta meta minn corner ta’ Steve Pisani kien Michael Johnson li b’daqqa ta’ ras perfetta minn nofs il-kaxxa għeleb lil Debono. Ir-reazzjoni tal-Ispartans kienet waħda immedjata meta minuta minn tmiem l-ewwel taqsima xutt ta’ Barbosa kien imblukkat minn fuq il-linja minn Johnson biex il-ballun wasal fid-direzzjoni ta’ Djordjevic b’dan tal-aħħar ifalli ċans faċli ta’ skor.

Żewġ minuti fit-tieni taqsima cross ta’ McWoods għadda minn quddiem il-lasta mingħajr ħadd ma’ kien hemm għall-appuntament mal-ballun. Dan kien mument tajjeb għal Balzan li resqu viċin ukoll fid-49 minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Fenech li Debono salva b’diffikuta mgħejjun mil-lasta.

Fit-58 minuta cross minn fuq il-lemin lejn Mbong li ħalla għal Djordjevic iżda x-xutt tal-attakkant Serb ġie mdawwar f’corner minn Vranes. Biex Ħamrun marru mill-ġdid fil-vantaġġ fis-66 minuta meta minn cross ta’ Guillaumier kien Djordjevic li bir-ras ikkonkluda għal ġewwa.

Fit-72 minuta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Iriberri kien imdawwar f’corner mill-gowlkeeper Vranes. Iżda fit-82 minuta kellu jkun Debono li salva lit-tim tiegħu meta mblokka xutt fuq id-dawra ta’ McWoods.

Fis-86 minuta Balzan kisbu l-gowl tad-draw meta minn corner ta’ Pisani r-referee ġġudika li Serrano Valero mess il-ballun b’idu fil-kaxxa biex wara protesti kbar mill-players tal-Ispartans kien Augustine Loof li kkonverta.

BOV Player tal-Logħba: Predrag Djordjevic (Ħamrun S.)

Referee: Philip Farrugia

Formazzjonijiet:-

Balzan – S. Mintoff (V.Vranes 22’), A. Loof, S. Arab, P. Fenech, E. McWoods, S. Pisani, S. Bezzina (W.Donkin 84’), M. Johnson., U. Ljubomirac, S. Jalu, W. Gomes (A. Effiong 72’)

Ħamrun S. – J. Debono, M. Guillaumier, J. Mbong, F. Sasere (I. Iriberri 63’), E. Serrano Valero, J. Corbalan, P. Djordjevic (I. Adeshina 80’), K. Micallef, M. Barbosa (A.Soares 66’), E. Marcelina, D. Borg

Miktub minn...
TVM Sport