Futbol lokali
ARA bil-filmat: Kampjonat BOV Premier: Ġmiel ta’ gowls ta’ Mbong u Montebello jagħtu rebħa lil Birkirkara fuq Floriana

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Birkirkara FC……2

Floriana FC……….0

Birkirkara saħħew posthom fir-raba’ post tal-klassifika meta fl-ewwel logħba tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali huma għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 2-0 b’żewġ gowls li żgur ser ikunu kontestanti għall-gowls ta’ dan l-istaġun. Din kienet it-12-il rebħa għall-Karkariżi, filwaqt li għal Floriana dan kien skoss ieħor matul l-istaġun fejn s’issa tilfu 10 logħbiet.

Fit-12-il minuta Floriana kellhom ċans imorru fil-vantaġġ jekk mhux għall-bravura ta’ Guarnone bejn il-lasti ta’ Birkirkara. Kien il-cross li wasal għan Busuttil, li b’daqqa ta’ ras indirizza għal ġewwa imma l-goalkeeper Karkariż tar minn tulu biex dawwar f’corner. Din kienet l-uniku azzjoni fl-ewwel taqsima li kienet ta’ periklu bl-iskor jibqa’ 0-0.

Birkirkara fetħu t-tieni taqsima bl-aqwa mod meta fit-48 minuta Paul Mbong qabad ballun fi tliet kwarti ta’ grawnd u bi ġmiel ta’ xutt għeleb għalkollox lil Akpan biex poġġa lill-Karkariżi minn fuq 1-0.

Fit-62 minuta Birkirkara reġa’ kellhom ċans ieħor, din id-darba permezz ta’ Ntow li x-xutt tiegħu mid-distanza kien imdawwar f’corner minn Akpan. Floriana ppruvaw iwttqu reazzjoni li iżda kienet fjakka u filwaqt li kienu qed ifittxu l-gowl tad-draw fil-ħin addizzjonali tal-logħba, Luke Montebello minn nofs il-grawnd ra lil Akpan barra minn postu u b’xutt preċiż, dirett, għeleb lill-goalkeeper Furjaniż biex għalaq il-logħba 2-0.

BOV Plejer tal-Logħba: Paul Mbong ta’ Birkirkara FC

Referee: Glen Tonna

Formazzjonijiet:

Birkirkara FC – Sandro Guarnone(GK), Enrico Pepe, Yannick Yankam, Luke Montebello, Paul Mbong, Reginald Alidor, Federico Falcone (67’ Claudio Bonanni), Francesco Verde, Cain Attard(c), Caio Prado (82’ Kurt Zammit), Isaac Toah Ntow

Floriana FC – Ini Etim Akpan(GK), Enzo Ruiz, Diego Venancio, Nicola Leone (69’ Siraj Eddin Arab), Kristian Keqi, Jose Arias Ulises, Jurgen Pisani (c) (90’ Alexander Cini), Matias Nicolas Garcia, Marcelo Mariano Dias, Jan Busuttil (84’ Daniel Agius), Ryan Camenzuli

Miktub minn...
TVM Sport