Futbol lokali
FILMAT: Gowl ta’ Andrei Agius jagħmel id-differenza fil-logħba bejn Hibernians u Sliema

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 

Hibernians FC……..1

Sliema W. FC………0

Hibernians telgħu bi 32 punt fil-klassifika meta fl-ewwel logħba tas-Sibt f’Kordin huma għelbu lil Sliema Wanderers 1-0. Hibernians setgħu jħossuhom misruqa minn gowl li ma ngħatalhomx fl-ewwel taqsima, imma patta għalih id-difensur Andrei Agius li sab ix-xibka fit-tieni taqsima. Għall-Wanderers din kienet it-tieni telfa konsekuttiva u l-ħames waħda dan l-istaġun.

Stefano Sanderra għamel żewġ bidliet mill-ħdax li bdew fir-rebħa kontra Senlgea Athletic is-Sibt li għadda. Gabriel Izquier Artiles u Imanol Iriberri bdew minflok Haruna Shodija Shola u Jose Wilkinson Teixeira li kienu fuq il-bank. Fuq in-naħa l-oħra l-kowċ Andrea Pisanu għamel tliet bidliet fit-tim li kien beda kontra Mosta fis-6 ta’ Jannar, meta dakinhar il-Wanderers kienu sfaw megħluba 3-1. Alexander Satariano, Denilson Pereira u Ruslan Kisil kienu mgħajta mal-ewwel ħdax minflok Gilmar Da Silva Ribeiro u Edmond Agius li bdew fuq il-bank, filwaqt li Oscar Linton Bethancourt ma kienx mgħajjat mat-tmintax.

Fit-12-il minuta Hibernians setgħu marru fil-vantaġġ kieku f’pajjiżna tintuża’ l-goal line technology għaliex mill-freekick ta’ Degabriele, Almeida ddirezzjona l-ballun għal ġewwa, imma dan ħabat mal-mimduda u niżel ‘l isfel, u għalkemm deher evidenti li qabeż il-linja, l-assistent Camilleri m’għolliex il-bandiera u għalhekk ir-referee Barbara ħalla l-logħob għaddej. Risposta minn Sliema fis-27 minuta meta Aquilina qassam lejn Kisil li waħdu minn tarf il-kaxxa spara għoli ħafna mil-lasti difiża minn Calleja Cremona. Fl-40 minuta l-Wanderers resqu viċin meta mill-freekick ta’ Cisotti kienet ser tinħoloq konfużjoni imma Calleja Cremona bil-ponn sod tajjar il-periklu.

Il-freekick ta’ Andrei Agius fl-54 minuta għall-Pawlisti kien milqugħ bla wisq diffikultà minn Galea, imma fl-istess minuta Iribberi qassam lejn id-difensur Pawlist li b’ballun fil-baxx għeleb lill-goalkeeper għal 1-0. Risposta minn Sliema fl-84 minuta meta s-sostitut Gilmar qabeż 4 plejers sakemm tilef il-ballun li wasal f’saqajn Agius li venven xutt mid-distanza u Calleja Cremona laqgħu f’żewġ tentattivi minn mal-art. U fid-90 minuta Sliema kellhom l-għajta għall-penalty meta difensur Pawlist deher jolqot il-ballun b’idu, imma r-referee Barbara ħalla l-logħob għaddej.

BOV Plejer tal-Logħba: Andrei Agius ta’ Hibernians FC

Referee: Ishmael Barbara

Formazzonijiet:

Hibernians – Matthew Calleja Cremona(GK), Ferdinando Apap, Leandro Almeida, Ayrton Attard, Jake Grech, Jurgen Degabriele (88’ Jose Wilkson Teixeira), Bjorn Kristensen(c) (63’ Haruna Shodiya Shola), Dunstan Vella, Gabriel Izquier Artiles, Andrei Agiu (90+3’ Zachary Karl Grech), Imanol Iriberri

Sliema W. – Jake Galea(GK), Alexander Satariano (63’ Riki Kakinuma), Kurt Shaw, Alessandro Milesi, John Mintoff(c) (74’ Dejan Vukovic), Juri Cisotti, Denilson Pereira (25’ Edmond Agius), Ruslan Kisil (74’ Gilmar da Silva Ribeiro), Gabriel Aquilina, Jean Paul Farrugia, Myles Beerman

Miktub minn...
TVM Sport