Futbol lokali
FILMAT: Gżira jkomplu jiftgħu f’aktar problemi liċ-champions Floriana

BOV Premier League 2020/2021

 Gżira Utd…………4

 Floriana………..1

Gzira U. jiksbu rebħa importanti fl-isfida tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat wara li jegħlbu liċ-champions preżenti Floriana bl-iskor ta’ 4-1. Partita li l-Maroons kienu l-aħjar tul il-konfront, bi Floriana li kienu ferm ‘il bogħod minn Floriana tal-istaġun li għadda.

Wara biss 36 sekonda, Gzira United imorru fil-vantaġġ, kross mix-xellug ta’ Ricardo Correa Duarte, xutt fil-baxx ta’ Maxuell Maia l-akkwist mingħand Sirens fil-kaxxa, ballun jaħbat mal-wieqfa u jidħol fix-xibka għal gowl verament bikri Gżirjan, Gzira U. 1-0 Floriana.

16-il minuta, Gzira U. b’ċans tajjeb li jirdupjaw, Jefferson de Assis lejn Martin Davis li mil-lemin fil-kaxxa fortunatament għaċ-champions, ballun għoli mil-lasti t’Akpan. 18-il minuta u Gżira jirdupjaw eventwalment, Martin Davis mal-lemin b’ġirja sabiħa jgħaddi ballun fil-kaxxa difiża ta’ Floriana b’Maxuell Maia faċilment jitfa’ fix-xibka, għal doppjetta għalih, Gzira U. 2-0 Floriana.

Kellna nistennew sal-31 minuta biex naraw l-ewwel azzjoni serja ta’ Floriana, kross ta’ Brandon Paiber mil-lemin, xutt ta’ Kristian Keqi fil-kaxxa ballun salvat minn Justin Haber, ballun li eventwalment jispiċċa f’korner għal Floriana. 5 minuti wara, Floriana ikollhom free-kick ta’ Diego Venancio mix-xellug minn barra l-kaxxa, ballun salvat f’korner minn Justin Haber.

45 minuta Gzira U., ġirja sabiħa ferm ta’ Maxuell Maia minn nofs il-grawnd li wasal li minn mal-kaxxa kellu x-xutt tiegħu li imbagħad imur ferm għoli mil-lasti t’Akpan, bi Floriana fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima ikollhom xutt minn barra l-kaxxa ta’ Diego Venancio, ballun salvat tajjeb ferm f’korner minn Haber.

Tieni taqsima; 50 minuta jkomplu Gzira U. meta Jefferson de Assis jgħaddi lejn Ricardo Correa li mix-xellug fil-kaxxa jkollu x-xutt tiegħu mtajjar f’korner, biex 2 minuti wara, l-Greens ikollhom kross mil-lemin ta’ Diego Venancio, daqqa ta’ ras ta’ Flavio Cheveresan, ballun f’korner għal Floriana.

 58 minuta, Gzira U. 3-0 Floriana, jitfa’ fix-xibka tiegħu stess Moustapha Beye fit-tentattiv li jtajjar il-ballun milli jidħol fix-xibka wara daqqa ta’ ras ta’ Jefferson de Assis mil-lemin. 67 minuta, pero’ Floriana jirnexxilhom inaqqsu d-distakk mis-sostitut Siraj Arab b’xutt fil-kaxxa, Arab li kien daħal fil-pitch minuta biss qabel.

Fid-89 minuta, Gzira jagħmluhom 4, permezz ta’ Nikolai Muscat minn taħt Akpan, wara li kien laqa’ l-istess Akpan.

BOV Plejer tal-Partita-Maxuell Maia (Gzira U.)

Referee-Trustin Farrugia Cann

Formazzjonijiet

Gzira U.-J.Haber, G.Mentz, S.Borg (C) (90′ K.Pulo), N.Muscat, M.Davis, N.Portelli, M.Maia (63′ B.Atajic), J.Mendoza, R.Correa Duarte, S.Borg, J.De Assis (75′ C.Borg)

Floriana-I.Akpan (C), M.M.Beye, D.Venancio, N.Leone, K.Keqi (66′ S.Arab), J.Arias Ulises, B.Paiber (66′ J.Busuttil), M.N.Garcia (80′ D.Agius), A.Cini, F.Cheveresan, R.Camenzuli

Miktub minn...
TVM Sport