Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Hamrun Spartans jirbħu u jitilgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Hamrun Spartans….3

Mosta…………………..1

F’partita taħraq, ikkumbattuta u interessanti f’dik li kienet il-partitissima ta’ din tmiem il-ġimgħa, Hamrun S. jirnexxilhom idawru telfa f’rebħa, għal rebħa ta’ 3-1 fuq ir-rivelazzjoni ta’ dan l-istaġun Mosta. Kienet rebħa meritata f’wirja tajba mill-Ispartans, fejn għal ħafna ħin kienu b’10 min-nies, għalkemm iż-2 timijiet eventwalment spiċċaw il-konfront b’raġel inqas.

Fl-24 minuta u fl-ewwel azzjoni Mosta fil-vantaġġ, kross mix-xellug ta’ Clayton Failla, Christ Ememe mil-lemin jgħaddi lejn Bojan Kaljevic li minn ftit passi bogħod jitfa’ fix-xibka Ħamruniża għal Hamrun S. 0-1 Mosta.

Fis-37 minuta, Hamrun S. ikompli jiġihom kollox ħażin meta jitkeċċa għalihom Elkin Serrano Valero b’karta ħamra diretta, wara kuntatt ma’ Kevin Tulimieri, tkeċċija li qajmet protesti kbar mid-diriġenza Ħamruniża.

Fil-45 minuta pero’, Hamrun S. jiksbu l-gowl tal-parita’, kross mil-lemin ta’ Karl Micallef, daqqa ta’ ras ta’ Jorge Soares Dodo, ballun fix-xibka minkejja t-tentattivi tal-keeper Mosti Christoffer Mafoumbi biex jevita’ milli l-ballun jidħol fix-xibka.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Matthew Guillaumier ikollu free-kick tajjeb mix-xellug għal Hamrun S., ballun imtajjar f’korner minn Mafoumbi.

Tieni taqsima; 47 minuta u Hamrun S. jolqtu l-mimduda permezz ta’ Joseph Mbong, wara free-kick mogħti mill-ewwel mil-lemin minn barra l-kaxxa, 2 minuti wara Jorge Soares Dodo għall-Ispartans ikollu x-xutt mix-xellug tiegħu, ballun tiegħu imdawwar f’korner minn Mafoumbi.

Dan kien kollu l-preludju tal-gowl għax fil-51 minuta, Franklin Sasere jitfa’ lill-Ħamruniżi 2-1 minn fuq, wara li kompla għal ġewwa fil-kaxxa, ballun ta’ Emerson Marcelina, wara azzjoni twila li bdiet min korner, ballun li anke ħabat mal-wieqfa qabel ma daħal fix-xibka.

56 minuta, jkomplu Hamrun S., Dodo lejn Sasere, li mil-lemin fil-kaxxa jitfa’ għoli mil-lasti Mostin. 66 minuta u Mosta wkoll jispiċċaw b’10 min-nies meta Matias Muchardi jitkeċċa fuq żewġ karti sofor wara daħla fuq Dodo.

73 minuta, u Hamrun S. 3-1 Mosta, jidħol tajjeb ferm max-xellug Dodo, l-plejer tal-partita, li jagħti fuq platt il-ballun lil Franklin Sasere, li minn taħt il-lasti jitfa’ b’faċilita fix-xibka, għal doppjetta għalih fil-konfront.

BOV Plejer tal-Partita-Jorge Ailton Soares (Hamrun S.)

Referee-Matthew Degabriele

Formazzjonijiet-

Hamrun S.-E.Bartolo (C), D.Gojkovic, M.Guillaumier, J.Mbong (75′ S.Lagzir), A.J.Soares (88′ D.Borg), F.Sasere (86′ I.Adeshina), E.Serrano Valero, J.C.Corbolan, P.Dordevic, K.Micallef, E.Marcelina

Mosta-C.H.Mafoumbi, D.Debono (68′ L.Portelli), C.Ememe, J.Bezzina, C.Failla, T.Farrugia (C)(83′ N.Agius), M.Muchardi, R.Morisco, Z.Brincat (68′ D.Bonnici), B.Kaljevic (72′ T.Yokochi), K.Tulimieri (45′ G.Sciberras)

Miktub minn...
TVM Sport