Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Hamrun Spartans jirritornaw għar-rebħ kontra Floriana

BOV Premier League 2021/2022

Floriana…………………1

Hamrun S………………2

Hamrun S. jirritornaw għar-rebħ b’rebħa tajba fuq Floriana bl-iskor ta’ 2-1, rebħa li l-Ispartans kellhom żgur bżonnha wara l-bidu xejn tajjeb tagħhom f’dan l-istaġun għad-difiża tat-titlu. Kienet partita sabiħa u kkumbattuta ferm fl-Istadium Nazzjonali, biċ-champions preżenti Hamrun S. pero’ jkunu aħjar mill-avversarji Floriana, Floriana li r-risposta tagħhom ma kinitx biżżejjed biex jiksbu xi ħaġa mill-konfront.

Fl-10 minuta tal-partita, Floriana jkollhom l-ewwel azzjoni serja tal-partita meta Jose Arias ta’ Floriana japprofitta minn żball kolossali fid-difiża ta’ Hamrun S., jagħti lil Augusto Caseres li mill-viċin jara l-konklużjoni tiegħu mil-lemin salvata b’mod tajjeb ferm mill-gowlkeeper internazzjonali Malti Henry Bonello bejn il-lasti ta’ Hamrun.

Fit-18-il minuta, iċ-champions jirrispondu b’azzjoni fejn Franklin Sasere jikkonkludi mil-lemin fil-kaxxa f’idejn il-gowlkeeper ta’ Floriana Georgi Kitanov, wara ġirja sabiħa ferm mix-xellug ta’ Jorge Soares Dodo.

Dan ikun il-preludju eżattament tal-gowl ta’ Hamrun, għaliex 2 minuti biss wara jkun propju l-plejer mill-Ghana Isaac Ntow li minn barra l-kaxxa mix-xellug fil-baxx jitfa’ fix-xibka  b’Kitanov maħsud għal kollox, għal Floriana 0-1 Hamrun S.

Fid-29 minuta, Hamrun S. saħansitra jirdupjaw meta Franklin Sasere ta’ Hamrun S. jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Emiliano Callegari tal-Greens, biex mill-11-il metru, l-istess Sasere, il-plejer fuq il-kotba tal-Isvizzeri ta’ Lugano ma jfallix u jitfa’ lill-Hamrun 2-0 minn fuq.

Fit-42 minuta, azzjoni oħra laqta Hamrun, azzjoni bejn Luke Gambin u Dodo b’dan tal-aħħar fil-kaxxa b’akrobazija jitfa’ għoli mil-lasti ta’ Floriana.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Kristian Keqi jirrispondi għal Floriana b’xutt tajjeb mix-xellug fil-kaxxa, ballun salvat f’korner minn Henry Bonello.

Fit-tieni taqsima, 53 minuta, Floriana jnaqqsu d-distakk meta f’indeċiżjoni fid-difiża ta’ Hamrun S. fil-kaxxa difiża minnhom, Augusto Caseres ivenven xutt b’saħħtu li jispiċċa fin-naħa t’isfel tax-xibka Hamruniża, għal Floriana 1-2 Hamrun S.

55 minuta, Floriana inkredibbilment ifallu ċ-ċans saħansitra li jiksbu l-parita’, b’Ryan Camenzuli li jibqa’ dieħel tajjeb mil-lemin, pero’ x-xutt tiegħu jispiċċa biss barra.

71 minuta, Hamrun S. iwieġbu bi free-kick mix-xellug ta’ Dodo, ballun ftit għoli mil-lasti ta’ Kitanov.

Riżultat finali-Floriana 1-2 Hamrun S.

BOV Plejer tal-Partita-Franklin Sasere (Hamrun S.)

Referee-Darryl Agius

Formazzjonijiet-

Floriana-G.Kitanov, A.Magri Overend (65′ A.Garzia), C.Rutjens, Z.Cassar, A.Caseres (65′ E.Rebenja), K.Keqi, J.Arias (71′ B.Paiber), N.Garcia (C), E.Callegari, J.Busuttil (65′ A.Ciolacu), R.Camenzuli (80′ D.Agius)

Hamrun S.-H.Bonello, D.Gojkovic, J.Mbong, S.Lagzir (70′ F.El Bakhtaoui), J.Soares, A.Oyama, F.Sasere, L.Gambin, K.Micallef (C), I.Ntow, E.Marcelina

Miktub minn...
TVM Sport