Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Hibernians jiddominaw lil Lija Athletic u jiskurjaw ħamsa

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Lija Athletic….0

Hibernians…..5

Hibernians ikollhom rebħa faċli u komda kontra Lija A. bl-iskor kbir ta’ 5-0, 3 punti li momentarjament itellgħuhom fl-ewwel post fl-isfida tagħhom għall-kampjonat. Partita li Hibs kienu fil-kontroll assolut, u iktar minn hekk Lija A.prattikament ma tawx problemi lil Matthew Calleja Cremona bejn il-lasti ta’ Hibs, u lanqas lil Rudy Briffa li daħal flok Calleja Cremona fit-tieni taqsima.

Fil-15-il minuta, fl-ewwel azzjoni denja tal-partita, Hibernians imorru fil-vantaġġ, korner mil-lemin, żmarkat għal kollox Tiago Adan Fonseca max-xellug li minn taħt Bonnici jitfa’ fix-xibka, għal Lija A. 0-1 Hibernians.

Fit-23 minuta, Hibernians jirdupjaw, kross mix-xellug, daqqa ta’ ras Ferdinando Apap, ballun fix-xibka ta’ Lija A. minkejja t-tentattivi tal-goalkeeper ta’ Lija A. Luke Bonnici biex jevita’ l-gowl, Lija A. 0-2 Hibernians.

Fit-tieni taqsima, Hibernians mill-ewwel jiskurjaw it-3 gowl, 46 minuta, hekk kif Tiago Adan Fonseca minn taħt Bonnici jikkonkludi fix-xibka, wara li rċieva mix-xellug mingħand Jurgen Degabriele, biex 2 minuti wara, Jake Grech jagħmilhom 4, meta minn quddiem Bonnici jitfa’ fix-xibka mix-xellug.

L-iskor saħansitra isir Lija A. 0-5 Hibernians fit-53 minuta, b’xutt mill-isbaħ ferm mix-xellug minn mal-kaxxa ta’ Jurgen Degabriele, iż-żagħżugħ internazzjonali Malti, ballun fin-naħa ta’ fuq tax-xibka ta’ Lija Athletic.

Fis-66 minuta rajna azzjoni rari għal Lija, free-kick mil-lemin ta’ Fernando Brandan minn barra l-kaxxa, ballun ftit għoli mil-lasti ta’ Rudy Briffa.

BOV Plejer tal-Partita-Jurgen Degabriele

Referee-Ishmael Barbara

Formazzjonijiet-

Lija A.-L.Bonnici (C) (70′ D.Galea), C.J.Cassar, P.Luiz Gusso, I.Borg (70′ A.White), N.Micallef, F.Brandan, W.O.Serrano, M.Jimenez (67′ D.Scerri), J.Cruz Gill, C.Flores, V.Alhinho (82′ G.Falzon)

Hibernians-M.Calleja Cremona (62′ R.Briffa), F.Apap, L.Almeida (55′ I.Iriberri), J.Grech, T.A.Fonseca (55′ Z.Grech), J.Degabriele, B.Kristensen (C), D.Vella, G.Izquier Artiles, A.Agius, G.Da Silva Ribeiro

Miktub minn...
TVM Sport