Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Hibernians lura fil-quċċata wara rebħa komda fuq Sliema Wanderers

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/22

SLIEMA W………0

HIBERNIANS….3

Hibernians jirritornaw fl-ewwel post tal-kampjonat, 2 punti fuq Birkirkara, wara li kisbu rebħa ta’ 3-0 fuq it-tim ta’ Sliema W. Hibernians li kien jimmeritahom din ir-rebħa, f’partita li skurjaw 3 gowls mingħajr ukoll wisq sforzi żejda. Sliema W. min-naħa l-oħra jkompli l-istaġun dizappuntanti li qiegħed ikollhom.

Fit-13-il minuta tasal l-ewwel azzjoni tal-partita, fejn ikunu Hibernians li jkollhom kross mil-lemin ta’ Thaylor Aldama, bid-daqqa ta’ ras tal-captain Bjorn Kristensen tgħaddi pero’ għoli mil-lasti tal-gowlkeeper Slimiż Timothy Aquilina.

21 minuta u Hibernians ikollhom din id-darba free-kick ta’ Wilfried Domoraud mil-lemin, ballun li jiġi mtajjar f’korner għall-Pawlisti.

Fl-34 minuta, Hibernians imorru fil-vantaġġ, free-kick mix-xellug sabiħ taż-żagħżugħ internazzjonali Malti Jurgen Degabriele li jegħleb għal kollox lil Timothy Aquilina, ballun li jinżel fix-xibka, għal Sliema W. 0-1 Hibernians.

3 minuti wara, Sliema W. jirrispondu bi free-kick ukoll mix-xellug ta’ Danny Holla, pero’ ballun li jispiċċa barra mil-lasti tal-Pawlisti difiżi minn Ibrahim Kone.

Tmiem l-ewwel taqsima-Sliema W. 0-1 Hibernians

Tieni taqsima; u Hibernians jirdupjaw fis-57 minuta, kross mix-xellug ta’ Wilfried Domoraud, u minn taħt il-lasti Jurgen Degabriele jitfa’ fix-xibka fil-baxx għal Sliema W. 0-2 Hibernians.

61 minuta, u Hibernians saħansitra jiskurjaw it-3 gowl, tkun ġirja sabiħa ferm mix-xellug ta’ Wilfried Domoraud, b’dan tal-aħħar jidħol fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu fil-baxx jitfa’ fix-xibka għat-3-0 tal-Pawlisti.

Fis-67 minuta pero’ Hibernians jispiċċaw b’10 min-nies meta jitkeċċa Ferdinando Apap wara t-tieni karta safra.

BOV Plejer tal-Partita-Jurgen Degabriele (Hibernians)

Referee-Fyodor Zammit

Formazzjonijiet-

Sliema W.-T.Aquilina, P.Morales, K.Shaw, G.Aquilina (C), M.Fernandes (58′ R.Sohna), H.Warsama (68′ I.Gui), D.Holla (68′ M.Scerri), M.Beerman (76′ O.Elouni), J.Bliek, D.Vukovic, V.Berisha

Hibernians-I.Kone, F.Apap, L.Almeida, J.Grech (79′ C.Uzeh), J.Degabriele (71′ M.Ellul), B.Kristensen (C), D.Vella (90+’ A.Attard), T.Aldama (90+’ Z.Grech), A.Agius, G.Artiles, W.Domoraud (90+’ B.Ihuomah)

Miktub minn...
TVM Sport