X

Kampjonat BOV Premier: Hibernians miżmuma fi draw minn Gudja United

Story Published

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20

Gudja Utd…….1

Hibernians……1

Hibernians ġew miżmuma fi dro ta’ 1-1 kontra t-tim promoss ta’ Gudja United li għalihom kienet ukoll l-ewwel logħba uffiċjali fl-ogħla kampjonat Malti.

Fl-10 minuta Hibernians kellhom gowl ta’ Ferdinando Apap imħassar wara li l-assistent referi ġġudikah li kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Risposta ta’ Gudja fit-22 minuta b’xutt imkaxkar ta’ Gabriel Mensah li marlu kemm kemm barra.

L-istess Gabriel Mensah resaq aktar viċin fit-38 minuta meta wara li rċieva kross tajjeb mil-lemin, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper Jovicic li għalaqlu kompletament it-triq.

Fl-40 minuta kien il-gowlkiper ta’ Gudja Jonathan Debono li salva ferm tajjeb daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Andrei Agius.

Eżatt mal-45 minuta, ir-riflessi tal-gowlkiper Debono reġgħu kienu evidenti meta salva b’mod verament tajjeb daqqa ta’ ras ta’ Bjorn Kristensen wara frikik ta’ Jake Grech.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq biż-żewġ timijiet dro ta’ 0-0.

Gudja fetħu tajjeb it-tieni taqsima tant li laqtu l-lasta b’xutt tajjeb ta’ Rundell Winchester.

Fid-49 minuta kross xutt ta’ Zachary Cassar għal Gudja ġie mdawwar f’korner minn Jovicic. Mill-korner li segwa, Gudja marru minn fuq.  Santana għadda lejn Justin Grioli li bir-ras għeleb lil Jovicic.

Hibs wettqu reazzjoni u pront ġabu l-iskor indaqs fit-53 minuta meta Jake Grech avvanza tajjeb u b’xutt fil-baxx għar-rokna għamilhom 1-1.

Fis-87 minuta, il-Pawlisti resqu viċin li jiskorjaw iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Ferdinando Apap għaddiet kemm kemm barra.

Skor finali: Gudja United 1 Hibernians 1
BOV Plejer tal-Logħba kien Jake Grech ta’ Hibernians.
Referi kien Stefan Pace.