Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Jake Grech is-surmast wara rebħa Pawlista

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/2022

Gżira United……1

Hibernians………3

Hibernians kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun meta ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 3-1.

Hibernians marru minn fuq fit-12-il minuta meta kien hemm frikik ta’ Gabriel Izquier li ħabat mal-barriera bil-ballun jasal għand Jake Grech li b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ra l-ballun jiġi devjat mid-difensur Gżirjan Gabriel Bohrer Mentz bil-gowlkiper Justin Haber kompletament sorpriż.

Fit-22 minuta, Gżira jersqu lejn il-lasti Pawlisti b’xutt ta’ Ricardo Correa li spiċċa barra.

Żewġ minuti wara, il-Maroons iġibu l-iskor indaqs meta kien frikik pinġut ta’ Steve Pisani li sab lil Maxuell Maia li waħdu u xxamplat fil-qalba tad-difiża, bir-ras xeħet il-ballun ġewwa.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-1.

Fit-tieni taqsima, Hibs ħarġu ferm aggressivi u rduppjaw l-iskor fil-50 minuta meta kien Gabriel Izquier li qassam lejn Jake Grech li waħdu quddiem Justin Haber ma żbaljax.

Gżira wettqu reazzjoni u fit-53 minuta xutt ta’ Ricardo Correa għadda għoli.

Il-Pawlisti kienu għatxana għar-rebħa tant li fl-74 minuta għamluhom tlieta meta kien hemm kross mill-aħjar plejer tal-logħba Jake Grech, bil-ballun jasal għand Ferdinando Apap li bir-ras għeleb lil Haber.

Kien bidu mill-aqwa għall-Pawlisti li għandhom l-għan li jerġgħu jisfidaw għall-unuri finali. Gżira United iridu jinsew din il-partita filwaqt li jittamaw li jerġgħu jibdew il-konsistenza li kellhom sal-istaġun li għadda.

Gżira United: Justin Haber, Gabriel Bohrer Mentz (Luke Tabone 45 min), Steve Borg, Steven Pisani, Zachary Scerri (Emmanuel Mbong 77min), Dexter Xuereb (Nikolai Muscat 60 min), Martin Davis, Ricardo Correa Duarte (Clive Gauci 77 min), Maxuell Maia, Thiago Espindola de Paula, Jackson Mendoza.

Hibernians: Ibrahim Kone, Ferdinando Apap, Leandro Almeida, Raphael Dos Anjos, Ayrton Attard, Jake Grech, Erjon Beu (Jurgen Degabriele 64 min), Aidma Brian Lubanzadio (Zachary Grech 84 min), Andrei Agius, Gabriel Izquier, Wilfried Domoraud.

Riżultat Finali: Gżira 1 Hibs 3

BOV Plejer tal-Logħba kien Jake Grech ta’ Hibernians.

Referi: Ishmael Barbara

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'