Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Keqi jispikka f’rebħa Furjaniża

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/2020

Floriana…………….3

Sirens………………..0

Floriana telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika għalkemm b’logħba iktar minn Valletta meta wara wirja eċċezzjonali huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-0.

Kienet partita li l-Greens riedu jirbħu akkost ta’ kollox sabiex jibqgħu jżommu l-quċċata tal-klassifika

Floriana ħarġu tajjeb u fir-raba’ minuta kien Kristian Keqi li wara li dar tajjeb ixxuttja bil-ballun jispiċċa kemm kemm għoli.

Fit-12-il minuta kien l-istess Keqi li rċieva throw-in fit-tul ta’ Alex Cini u xxuttja bil-ballun jaħbat mal-wieqfa.

Fit-22 minuta, Sirens jidhru għall-ewwel darba quddiem il-lasti avversarji b’xutt ta’ Cheveresan li spiċċa għoli.

Minuta wara kien Keqi li qassam tajjeb lejn D’Agostino li sab lil David Cassar attent.

Fit-33 minuta protesti min-naħa ta’ Floriana meta wara frikik ta’ Keqi difensur ta’ Sirens seta’ mess il-ballun b’idu.

Fl-40 minuta kien save mill-aqwa ta’ David Cassar li nnewtralizza daqqa ta’ ras ta’ Fonseca għal korner.

Sabiex fil-ħin mogħti żejjed mir-referi qabel tmiem l-ewwel taqsima, Cheveresan għal Sirens approfitta minn clearance ħażina u avvanza sabiex kien il-keeper Furjaniż Ini Akpan li għalaqlu t-triq.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 0-0.

Florian fetħu bl-aħjar mod possibbli t-tieni taqsima u marru fil-vantaġġ 50 sekonda wara. Kien hemm sensiela ta’ xuttijiet li b’xi mod ġew milqugħa mill-gowlkiper Cassar u mid-difensuri avversarji sabiex mir-ribawnd kien Kristian Keqi li b’xutt mill-ewwel xeħet ġewwa.

Sirens dehru mħawwda tant li fil-50 minuta Floriana ngħataw penalty wara li Kristian Keqi twaqqa’ fil-kaxxa minn Ryan Grech.

Mill-11-il metru kien l-istess Keqi li tefa’ l-ballun naħa u l-gowlkiper naħ’oħra sabiex irdoppja l-iskor għal Floriana.

Donnu li ħadd ma seta’ jwaqqaf lill-attakkant Furjaniż hekk kif saħansitra rnexxielu jgħaqqad hat-trick fis-67 minuta meta wara kross tajjeb bir-ras għeleb għat-tielet darba lil Cassar.

Kienet it-12-il rebħa staġjonali għal Floriana li żammithom jittamaw għat-titlu filwaqt li jistennew il-konfront t’għada bejn Valletta u Gudja.

Floriana: Ini Akpan, Enzo Ruiz, Diego Venancio (Clyde Borg 80 min), Kristian Keqi (Jan Busuttil 84 min), Jose Arias, Stefano D’Agostino (Brandon Paiber 85 min), Jurgen Pisani, Mattias Garcia, Alex Cini, Ryan Camenzuli, Tiago Fonseca.

Sirens: David Cassar, Ryan Grech (Luke Sciberras 73 min), Wellington (Edward Herrera 68 min), Raphael dos Anjos, Emanuel Okoye, Ricardo Silva Faria, Adrian Borg, Ige Adeshina, Romeu Romao, Thiago Espindola Flavio Cheveresan.

Skorjaw: Kristian Keqi 46 min, 51 min, 67 min (F)

Imwissija: Ryan Grech, Emanuel Okoye (S)

BOV plejer tal-logħba kien Kristian Keqi ta’ Floriana

Referi: Matthew Degabriele

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Hekk kif fil-preżent il-kampjonati f’Malta jinsabu wieqfa, huma ħafna dawk li ma jafux x’se jkun id-destin tal-klabbs lokali u x’se jiġri mill-istaġun li ġej. F’dawn il-jiem, beda jiltaqa’ l-Kumitat tas-Social…

Futbol lokali

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li ma jiddependix mill-assoċjazzjoni x’jiġri jekk il-Kampjonat BOV Premier jitwaqqaf fejn hu u ma jitkomplix, iżda trid tkun il-UEFA li taghti d-direzzjoni. Bjorn Vassallo llum…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association bdiet tgħin ukoll fil-kawża ta’ kontra l-coronavirus. L-MFA qed twassal messaġġ ta’ solidarjetà, rispett reċiproku u għaqda. Fi stqarrija fuq is-sit uffiċjali tagħha, l-MFA qalet li tinsab…

Futbol lokali

Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Malta Football Association, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ikkomunika l-aħħar direzzjoni li l-assoċjazzjonijiet tal-football ewropej ingħataw mill-UEFA kif ukoll uffiċjaliżża l-aħħar deċiżjonijiet li ttieħdu…

Aktar