Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: l-ewwel rebħa għal Gudja Utd
Ikompli l-istaġun diżastruż ta' Birkkirkara

Gudja Utd akkwistaw l-ewwel rebħa storika fil-Kampjonat BOV Premier meta għelbu lil Birkirkara 3-2 illejla fis-Centenary Stadium fit-tkomplija tad-9 ġurnata tal-istaġun: biex laħqu lill-istess Karkariżi fit-tielet post mill-aħħar tal-klassifika u tefgħuhom f’aktar inkwiet.

Birkirkara bdew b’aktar mill-pussess imma ftit kienu effettivi fl-attakk, b’ħafna mil-logħob jiżvolġi f’nofs il-ground: tant li kellna nistennew sal-25 minuta għall-ewwel xutt fil-lasta, konklużjoni ċentrali ta’ Alba għal Birkirkara salvata minn Debono.

Tliet minuti wara Gudja fil-vantaġġ bl-ewwel azzjoni vera tagħhom: ġirja fuq ix-xellug ta’ Winchester li bil-veloċità tiegħu għeleb lid-difiża Karkariża, daħal fil-kaxxa u tefa’ għan-nofs fejn l-ewwel tentattiv ta’ Gabriel Mensah kien salvat minn Hogg, imma t-tieni wieħed spiċċa fir-rokna tax-xibka

Man-nofs siegħa logħob, il-partita kellha tiġi nterrotta għal diversi minuti sakemm ingħata kura fil-pitch Allan Miranda ta’ Gudja wara li deher jintlaqat minn Prado f’tentattiv ta’ rovexxata fil-kaxxa. Ferm sfortunat Miranda li kellu jħalli l-logħba b’rasu nfaxxata ftit minuti biss wara li kien ħa post il-captain ta’ Gudja Jonathan Bondin li wkoll kien weġġa’.

Mat-tkomplija tal-logħob flick ta’ Falcone għal Birkirkara, jilqa’ Debono: imma fil-41 minuta kien l-istess attakkant Arġentin li ġab id-draw għal Birkirkara, bid-daqqa ta’ ras tiegħu mill-kross ta’ Prado tqarraq għal kollox b’Debono.

Fis-7 minuti mogħtija żejda għall-ewwel taqsima minħabba l-inċident t’aktar kmieni, Gudja darbtejn għal ftit ma reġgħux marru minn fuq: l-ewwel meta xutt ta’ Friggieri minn tarf il-kaxxa stampa mal-mimduda, imbagħad meta daqqa ta’ ras ta’ Winchester falliet il-mira bi ftit: biex l-ewwel taqsima għalqet 1-1.

It-tieni taqsima: wara daqqa ta’ ras fjakka ta’ Pepe għal Birkirkara milqugħa minn Debono, u n-naħa l-oħra Winchester imblukkat fl-aħħar wara azzjoni personali: fit-62 minuta Gudja mill-ġdid fil-vantaġġ: xutt spetttakolari ta’ Mensah minn ferm barra l-kaxxa: Hogg għal kollox maħsud iħares lejn il-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.

Fil-71 minuta Gudja għamluhom 3-1: Pepe ġibed lil Winchester fil-kaxxa, ir-referee Philip Farrugia pront saffar għal penalty li minnu n-Numru 9 minn Trinidad ma falliiex: bl-Istripes jispiċċaw b’għaxra bit-tkeċċija ta’ Pepe għat-tieni karta safra.

Tnax-il minuta mit-tmiem xaqq tama għal Birkirkara meta reġa’ kien Falcone li bid-dawra tefa’ fix-xibka mill-kross tas-sostitut Michael Mifsud.

Birkirkara tefgħu kollox fuq l-attakk ifittxu d-draw imma t-tentattivi tagħhom ma sabux xorti; anzi kien Jimenez li waħdu f’kontrattakk tefa’ ċentimetri barra: biex l-iskor finali baqa’ Birkirkara 2, Gudja 3

Iż-żewġ timijiet bdew b’din il-formazzjoni:

Birkirkara: Andrew Hogg, Enrico Pepe, Maurizio Vella, Roderick Briffa (captain), Federico Falcone, Cain Attard, Henrique Prado Caio, Oscar Carmiello, Miguel Angel Alba (58′ Michael Mifsud), Ryan Fenech, Isaac Ntow

Coach: Andrè Paus

Gudja Utd: Jonathan Debono, Jonathan Bondin (captain) (28′ Allan Miranda, 35′ Llywelyn Cremona), Zachary Cassar, Miguel Attard, Aidan Friggieri (77′ Jusstin Grioli), Rundell Winchester, Gabriel Mensah, Anderson de Barros, Miguel Jimenez, Hubert Vella, Juan Bolanos

Coach: Josef Mansueto

Referee: Philip Farrugia

Attendenza: 438

BOV Player tal-Logħba: Gabriel Mensah

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

It-telfa ta’ 2-1 ta’ Malta kontra n-Norveġja f’Ta’ Qali nhar it-Tnejn f’Ta’ Qali kienet l-aħħar waħda ta’ Ray Żażu Farrugia fit-tmexxija tat-team nazzjonali Malti. Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Malta Football…

Futbol lokali

KAMPJONAT EWROPEW U21 – GRUPP 8 TA’ KWALIFIKAZZJONI DANIMARKA….5 MALTA…………..1 Telfa kerha għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kontra d-Danimarka bi skor ta’ 5-1 f’partita minn Grupp 8 ta’…

Futbol lokali

Telfa ta’ 2-0 għal Malta fil-partita minn Grupp 6 tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena kontra Ċipru. Il-gowls ta’ Ċipru waslu fit-tieni taqsima fil-51 minuta minn Nicolasou…

Futbol lokali

Fi tmiem din il-ġimgħa ngħata bidu għall-kampjonat tal-Mini Football li qed jiġi organizzat għall-ewwel darba mill-Malta Mini Football Association u li qed jintlagħab fil-grawnd tal-8-a-side tal-Marsa. Tmien timijiet qed jieħdu…

Aktar