Kampjonat BOV Premier – Mosta b’punti massimi

Mosta rnexxielhom iżommu l-bidu pożittiv għal dan l-istaġun meta għelbu lil Pieta’ Hotspurs bl-iskor ta’ 1-0 f’logħba fejn m’għamlux affarijiet kbar. L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet mit-tim Mosti meta azzjoni mibdija minn Mano Micallef, dan kompla lejn Mariano Bueno li baqa’ javvanza, bil-goaler Cassar deher iwaqqa’  lill-plejer Mosti imma r-referee Mario Apap ħalla l-logħob għaddej. Ir-risposta ta’ Pieta’ waslet fil-25 minuta meta Gabriel Da Silva ttanta xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra. Disgħa w tletin minuta u azzjoni personali ta’ Luke Emanuel Micallef, li baqa’ javvanza waħdu fuq il-linja tal-lemin bix-xutt finali tiegħu jispiċċa ferm ‘il bogħod mil-lasta Mostija. Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima waslet l-aħjar azzjoni għal Pieta’ meta Jurgen Pisani kompla lejn Leonardo Fortunato Dos Santos bit-tentattiv ta’ dan jispiċċa ftit barra.

Pieta’ komplew jieħdu l-inizjattiva fit-tieni taqsima u mal-50 minuta, Jurgen Pisani inkariga ruħu mill-freekick, l-ballun ġie għand Christian Grech, imma d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet tul il-lasta difiża minn Borg, mingħajr l-ebda plejer ta’ Pieta’ ma jikkonkludi ġewwa. Mas-sebgħa w sittin minuta wasal ċans tajjeb għal Mosta meta is-sostitut James Brincat tefa’ kross, u d-daqqa ta’ ras ta’ Kaljevic ġiet salvata tajjeb u mdawra f’corner minn Cassar. Erbgħa w sebgħin minuta u Mosta fetħu l-iskor. Kienet il-ħarba ta’ James Brincat, tefa’ kross fil-baxx fid-direzzjoni ta’ Daniel Mariano Bueno li b’xutt tajjeb għeleb lil Cassar għal 1-0. Ir-reazzjoni ta’ Pieta’ waslet fit-tlieta u tmenin minuta meta Claudio Frances tefa’ kross, bix-xutt tas-sostitut Malcolm Licari jispiċċa mal-lasta.

Riżultat finali: Pieta’ H. 0 Mosta 1, bil-logħba tkun ikkontrollata mir-referee Mario Apap. Il-plejer Leonardo Fortunato Dos Santos ta’ Pieta’ kien ivvutat bħala l-BOV Player tal-Logħba.image

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA