Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Penalty fit-tieni taqsima jagħti r-rebħa lil Hibernians fid-derby

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Tarxien Rainbows……….. 0

Hibernians…………………..1

Penalty skorjat minn Jake Grech f’nofs it-tieni taqsima ta r-rebħa lil Hibernians fuq il-ġirien Tarxien, f’logħba li fiha Hibernians attakkaw għal ħinijiet twal, iżda kien biss fit-tieni taqsima li huma kienu perikolużi.

Minkejja li kellhom l-inizzjattiva sa mill-bidu tal-logħba, Hibernians kellhom jistennew sat-23 minuta għall-ewwel konklużjoni b’xutt ċentrali mid-distanza ta’ degabrielea salvat minn Marcio Fernandes.

L-andament tal-logħba ftit inbidel u kien biss fl-40 minuta li Hibernians resqu ferm qrib li jiftħu l-iskor meta minn pass ta’ Jake Grech, Winchester matter siequ iżda l-ballun mar ftit barra.

Żewġ minuti wara azzjoni fuq ix-xellug bix-xutt ta’ Izquier Artiles jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka. It-taqsima ntemmet b’opportunita’ għal Tarxien bix-xutt mill-bogħod ta’ Matthew Spiteri jmur barra.

Fit-62 minuta Hibernians ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Apap niżżel bir-ras lejn Degabriele li x-xutt tiegħu kien salvat minn Marcio Fernandes bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta.

Fit-68 minuta l-azzjoni tal-penalty meta xutt ta’ Shodija ħabat ma’ id Carneiro u wara li r-referee kkonsulta mal-assistent tiegħu Duncan Sultana, ingħata l-penalty li minnu Jake Grech skorja b’xutt fil-baxx.

Fit-80 minuta azzjoni ta’ Artiles li żmarka lil Degabriele li x-xutt tiegħu kien salvat minn Fernandes. Fl-aħħar minuti kienu Tarxien li xeħtu kollox fl-attakk iżda l-iskor ma nbidilx biex Hibernians kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara s-suċċess fuq Floariana.

BOV Player tal-Logħba: Gabriel Izquier Artiles – Hibernians

Referee: Ishmael Barbara

Formazzjonijiet:

Tarxien R. – Daniel Marcio Fernandes (GK), Anderson Do Nascimento Carneiro, Brandon Muscat, Lincoln De Oliveira Santos (Darren Falzon 75 min), Daniel Zerafa, Matthew Spiteri (Keith Attard 88 min), Vito Plut, Vanger Conceicao Da Silva, Eduardo Rosado Souza, Kyle Gatt (Karl Pulo 88 min), Matthew Tabone(c).

Hibernians – Matthew Calleja Cremona, Ferdinando Apap, Leandro Almeida Da Silva, Ayrton Attard, Jake Grech, Renold Winchester (Matthew Ellul 86 min), Jurgen Degabriele, Bjorn Kristensen (Christopher Uzeh Edafe 86 min), Zachary Karl Grech (Andrei Agius 64 min), Gabriel Izquier Artiles, Jose Wilkson Teixeira (Haruna Shodija Shola 57 min).

Miktub minn...
TVM Sport