Futbol lokali
FILMAT: Punt kull wieħed għal Birkirkara u Gżira

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Birkirkara ………………1

Gżira Utd………………..1

Draw ġust b’logħba bilanċjata bejn Birkirkara u Gżira United fejn iż-zewġ naħat kienu ġejjin minn rebħiet.  Gżira rebħu kontra Balzan bl-iskor ta’ 2-0 filwaqt li Birkirkara rebħu kontra Hibernians bl-iskor ta’ 1-0.

L-ewwel azzjoni waslet minn Gżira meta kien Davis li qassam lejn Muscat dan sab mill-ewwel lil Jefferson iżda konklużjoni tiegħu mill-viċin spiċċat barra. Fl-20 minuta xutt ċentrali ta’ Martin Davis bil-gowlkeeper tal-Istripes Guarnona isalva b’faċilita. Biex fl-24 minuta azzjoni oħra minn Gżira meta free kick imxellef ta’ Bohrer Mentz għadda jħakkek mal-lasta. L-ewwel azzjoni minn Birkirkara man-nofs siegħa logħob hekk kif minn cross ta’ Cain Attard daqqa ta’ ras minn Federico Falcone għaddiet għolja fuq il-lasta difiża minn Haber. Għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Gżira viċin għal darba tnejn. L-ewwel kien free kick ta’ Correa Duarte li Guarnone dawwar f’corner. Mill-istess corner mogħti minn Nikolai Muscat daqqa ta’ ras ta’ Sacha Borg kienet miżmuma mill-wieqfa. Fit-42 minuta ħarġa ħażina ta’ Guarnone approfitta Jefferson iżda fil-proċess iffawlja lill-gowlkeeper ta’ Birkirkara biex l-azzjoni tal-Maroons sfumat fix-xejn.

Wara minuta logħob mit-tieni taqsima Birkirkara viċin li jmorru fil-vantaġġ iżda xutt ta’ Falcone ġie mdawwar b’diffikulta f’corner minn Haber.  Fl-64 minuta Gżira fil-vantaġġ meta wara li Kurt Zammit waqqa lil Martin Davis fil-kaxxa fuq senjalazzjoni tal-assistent referee ngħata penalty biex mill-ħdax il-metru Martin Davis ikkonverta.  Reazzjoni mmedjata ta’  Birkirkara fis-67 minuta meta fuq cross ta’ Da Paixao xutt ta’ Montebello kien salvat mill-gowlkeeper Haber. Birkirkara kisbu  l-gowl tad-draw fit-83 minuta minn penalty ukoll wara li Haber waqqa lil Montebello. Alex Da Paixao ma’ falliex biex għamel l-iskor 1-1. Fil-ħin mogħti żejjed ċans għal Birkirkara iżda Haber salva fuq Mbong.

Riżultat finali:  Birkirkara 1  Gżira Utd. 1

BOV Player tal-Logħba:    Martin Davis (Gżira Utd.)

Referee: Ishmael Barbara

Formazzjonijiet:-

Birkirkara:-  S. Guarnone, E. Pepe, Y. Yankam, L. Montebello (R. Briffa 88’), K. Zammit, R. Alidor, F. Falcone, C. Attard, C. Bonanni (P. Mbong 74’), C. Prado (A.Da Paixao 66’), O. Carniello

Gżira Utd:-  J. Haber, G. Bohrer Mentz, S. Borg, N. Muscat, M. Davis, N. Portelli, J. Mendoza, R. Correa Duarte, S. Borg, J. De Assis, R. Kooh Sohna (A. Samb 71’)

Miktub minn...
TVM Sport