Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Qormi jinqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

St Andrews ……0

Qormi…………. 2

Partita diretta bejn żewġ timijiet li qed jissieltu kontra r-relegazzjoni.

Qormi kellhom żewġ plejers sospiżi Kassiano Soares u Davide Mansi filwaqt li għall-istess raġuni Alex Satariano ma setax jieħu sehem f’din il-logħba.
Fl-ewwel rawnd kienu St Andrews li għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 2-0.

Kienu Qormi li ħarġu tajjeb tant li fir-raba’ minuta kellna frikik ta’ Mateus Regis li ġie milqugħ mill-keeper ta’ St Andrews Matthew Calleja Cremona.
Risposta ta’ St Andrews żewġ minuti wara meta Kemar Reid jixxuttja ċentrali b’David Cassar jilqa’ mingħajr problemi.

Fit-33 minuta frikik ta’ Degran Jackson għal St Andrews iżda l-ballun imurlu barra sabiex fl-40 minuta kien Kemar Reid li ra x-xutt tiegħu milqugħ għal korner minn David Cassar.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq fi dro ta’ 0-0.

Għaddew 11-il minuta mill-bidu tat-tieni taqsima u Qormi reġgħu heddew il-lasti avversarji bi frikik bħas-soltu preċiż ta’ Mateus Regis li kien maqlugħ mid-difensur ta’ St Andrews Kurt Magro.
Fis-67 minuta Tensior Guzman ta’ Qormi kien ser japprofitta minn indeċiżjoni difensiva bejn Matthew Calleja Cremona u Travis Blagrove bil-ballun imur ftit għoli.

Qormi marru fil-vantaġġ mat-80 minuta logħob meta wara azzjoni insistenti kien Lokando illi kkrossja tajjeb fejn sab lil Tensior Guzman li bir-ras tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fil-ħin mogħti żejjed mir-referi, St Andrews kienu ferm viċin li jġibu l-iskor indaqs meta wara frikik ta’ Joseph Farrugia kien Travis Blagrove illi bir-ras ra lill-gowlkiper David Cassar isalva b’mod akrobatiku għall-korner.

Sabiex f’dik l-istess azzjoni ta’ korner, joħroġ il-gowlkiper Matthew Calleja Cremona, lasta vojta u f’kontrattakk veloċi kien Freud li ddepożita fix-xibka wara ġirja ferm tajba.
Kien il-gowl li ta r-rebħa lill-Qriema li għadhom jittamaw li jevitaw ir-relegazzjoni diretta.

Skor finali: St Andrews 0 Qormi 2.
BOV Plejer tal-Logħba kien Martin Davies ta’ St Andrews.
Referi kien Malcolm Spiteri.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.