Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Telfa iebsa għal Valletta li spiċċaw b’disa’ plejers

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

GUDJA UTD……2

VALLETTA………0

Gudja United għelbu lil Valletta bi skor ta’ 2-0 bit-tim Belti li spiċċa jilgħab il-partita b’disa’ plejers.

Gudja United min-naħa l-oħra kienu kawti u ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni biex rebħu l-partita.

Fl-ewwel taqsima kemm Gudja kif ukoll Valletta tellgħu numru ta’ attakki li ma wasslu għall-ebda konklużjoni.

Gudja tefgħu numru ta’ blalen twal iżda d-difiża ta’ Valletta flimkien mal-gowlkeeper Guarnone kkontrollaw mingħajr diffikulta.

Min-naħa ta’ Valletta resqu qrib li jiskurjaw wara sittax il-minuta logħob b’xutt b’saħħtu ta’ Prado li l-gowlkeeper Zammit irnexxielu jtajjar bi ftit. Wara tnejn u għoxrin minuta logħob, freekick għal Valletta mogħti minn tarf il-kaxxa mill-istess Prado jmur ftit għoli fuq il-minduda.

Wara nofs-siegħa logħob Gudja viċin il-gowl iżda Mensah kien ftit tard u ma leħaqx il-cross mogħti minn Kisil. Erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Abdul ta’ Gudja twaqqaf b’mod irregolari fil-kaxxa ta’ Valletta u r-referee Portelli saffar il-penalty u Kisil skurja b’xutt fil-baxx. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima… Portelli wera t-tieni karta safra lill-keptin ta’ Valletta, Zerafa, li kellu jħalli t-tim tiegħu b’għaxar plejers.

Fit-tieni taqsima, wara ħames minuti Valletta spiċċaw b’disgħa plejers fil-grawnd wara li r-referee Portelli keċċa lil Camilleri kif ukoll wera l-karta s-safra lill-gowlkeeper Bartolo li kien fuq il-bank tas-sostituti. Wara din l-azzjoni Gudja naqqsu xi ftit il-pressjoni għalkemm Valletta baqgħu jinsistu.

Fis-sittin minuta il-kowċ ta’ Valletta, Cardoso Mendes, wettaq sostituzzjoni doppja billi daħħal lil Muscat u lil Tulmieri flok Sansone u Curjuric. Fis-sebgħa u sittin minuta ċans tad-deheb għal Fontanella ta’ Valletta li bir-ras laqgħat il-lasta.

Fis-sebgħin minuta, Pankarican skurja t-tieni gowl għal Gudja. Valletta baqgħu jinsistu sa l-aħħar iżda Gudja gawdew il-vantaġġ ta’ żewġ plejers u kisbu t-tlett punti minn dan il-konfront.

BOV Plejer tal-Logħba: Kisil Ruslan ta’ Gudja United.

Referee kien Daniel Portelli.

Formazzjonijiet:

Gudja

Zammit Glenn(GK), Beland Louis, Soares Rodolfo, Mensah Gabriel, Kisil Ruslan(Grioli Justin 82”), Vella Hubert(C), Cremona Llywelyn(Pankarican Filip 59”), Dudarev Igor, Micallef Neil Anthony, Abdul Temitope(Gusman Tensior 63”), Dias Marcelo(Friggieri Aidan Jake 46”)

Valletta

Guarnone Alessandro(GK), Camilleri Ryan, Caruana Triston, Arthur James, Sansone Michele(Muscat Rowen 60”), Zerafa Joseph(C), Curjuvic Ivan(Tulmieri Kevin 60”), Sala Eslit, Prado Caio(Mackay Sheldon 77”), Fontanella Mario, Campos Lucas(Gauci Christian 54”)

Miktub minn...
TVM Sport