Futbol lokali
Kampjonat BOV Premier: Valletta jaħsdu liċ-champions

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/2022

Ħamrun …………….1

Valletta………………2

Valletta fetħu bil-kbir l-istaġun il-ġdid hekk kif għelbu liċ-champions Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-1.

Din kienet meqjusa bħala l-partitissima ta’ tmiem din il-ġimgħa proprju fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat bejn żewġ timijiet li huma rivali eterni ta’ xulxin.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fis-17-il minuta meta kien Curjuric għal Valletta li nkariga ruħu minn frikik bix-xutt tiegħu li spiċċa kemm kemm barra mil-lasti ta’ Bonello.

Fit-31 minuta frikik ta’ Dodo Soares għal Ħamrun jiġi mxellef mill-barriera ta’ Valletta bil-gowlkiper Guarnione li jkollu riflessi tajbin.

Fis-36 minuta, nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn id-difensur ta’ Ħamrun Karl Micallef u l-gowlkiper Henry Bonello, bl-attakkant Belti Mario Fontanella li għal ftit ma approfittax.

Ftit wara kien Lagzir għal Ħamrun bix-xutt tiegħu jiġi mxellef minn difensur Belti.

Ħamrun Spartans marru minn fuq fit-42 minuta meta kien frikik tajjeb ta’ Jorge Soares li sab lil Darko Gojkovic li bir-ras għeleb lil Guarnione.

1-0 u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Ħamrun reġgħu ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u fit-53 minuta xutt tajjeb ta’ Jorge Soares bil-ballun li jaħbat mal-lasta qabel jispiċċa barra.

Fis-66 minuta, Valletta jingħataw penalty meta kien Corbalan li ffawlja lis-sostitut Lucas Campos. Mill-11-il metru kien Mario Fontanella li għamilhom 1-1.

Fil-71 minuta, azzjoni personali ta’ Jorge Soares li għamel kollox tajjeb barra x-xutt finali li spiċċa barra.

U kontra kull mistenni, Valletta marru fil-vantaġġ. Kien frikik ta’ malajr mogħti minn Curjuric lejn Caio Prado li mal-ewwel tefa’ għan-nofs fejn sab lil Mario Fontanella li mattar siequ u xeħet il-ballun fix-xibka.

Dak kellu jkun il-gowl li jagħti tliet punti lill-Beltin biċ-champions il-ġodda li ħarġu b’idejhom vojta wara l-ewwel ħarġa tagħhom.

Ħamrun: Henry Bonello, Darko Gojkovic, Joseph Mbong, Soufiane Lagzir (Faisal El Baktoui 69 min), Jorge Soares, Franklin Sasere, Juan Carlos Corbalan, Predrag Djordjevic, Karl Micallef, Claude Dielna, Emerson Marcelina.

Valletta: Alessandro Guarnione, Ryan Camilleri, Triston Caruana, Arthur James, Shaun Dimech (Lucas Ribeiro Campos 60 min), Christian Gauci, Enmy Pena Beltre, Joseph Zerafa, Ivan Curjuric (Michele Sansone 90 min) , Caio Prado (Isaiah Micallef 90 min), Mario Fontanella (Milan Jurdik 82 min).

Referi: Philip Farrugia.

Skor Finali: Ħamrun 1  Valletta 2

BOV Plejer tal-Logħba kien Mario Fontanella ta’ Valletta

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'