Futbol lokali
Kampjonat Għawdxi – rebħiet kbar għall-leaders Għajnsielem u Victoria Hotspurs

GFA BOV Gozo Football League l-Ewwel Diviżjoni
Il-leaders Għajnsielem kisbu rebħa ta’ 6-1 kontra Sannat Lions u għadhom l-unika tim mingħajr telfa.
Għajnsielem fetħu l-iskor fit-tmintax-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Joseph George Vella, rduppjaw fl-erbgħin minuta minn Rodney Buttigieg.
Sannat reġgħu daħlu fil-partita b’gowl ta’ Lucas Baretto Da Silva minn azzjoni ta’ korner, iżda Għajnsielem wieġbu b’doppjetta ta’ Jhon Arbolda Valencia fil-ħamsa u ħamsin u erba’ minuti wara.
Rodney Buttigieg għaqqad id-doppjetta personali fit-tlieta u sebgħin minuta u ssiġillaw ir-rebħa bis-sebgħa gowl minn Sebastien Martinez lejn tmiem il-partita.

Nadur Youngsters telgħu fit-tieni post b’rebħa ta’ tnejn b’xejn kontra SK Victoria Wanderers, fetħu l-iskor minn penalty fit-tmienja u għoxrin minuta skurjat minn Marcelo Barbosa, l-istess player ex Ħamrun irdoppja fit-tnejn u ħamsin minuta.

Rebħa kbira 7-0 għal Victoria Hotspurs fuq Xagħra United, erba’ gowls fl-ewwel taqsima minn Christian Mercieca, irdoppja Christian Attard fit-tletin minuta, 3-0 fis-sitta u tletin minuta minn Shaun Attard u Paulo Santos De Azvedo għamel l-iskor erbgħa b’xejn fil-wieħed u erbgħin minuta.
Fit-tieni taqsima Victoria kabbru l-vantaġġ bi free kick dirett ta’ Henrique Maciel fit-tnejn u ħamsin minuta, 6-0 minn penalty ta’ Paulo Santos De Azvedo, Xagħra kellhom lil Neboja Biculjevic imkeċċi, zewġ minuti qabel is-sebgħa goal minn free kick ta’ Joseph Mario Vella.

Rebħa meritata 2-0 għal Kerċem Ajax fuq Xewkija Tigers, Andrew Mizzi fetaħ l-iskor fit-tlieta u sebgħin minuta diretament minn free kick u fis-sitta u tmenin minuta Anthony Zammit skorja t-tieni gowl meta llobja mill-bogħod.
Kerċem Ajax tnejn, Xewkija Tigers xejn, Referee: Malcolm Spiteri

Fil-klassifika Għajnsielem jinsabu fl-ewwel post b’dsatax-il punt, Nadur Youngsters telgħu t-tieni b’sittax, Xewkija Tigers baqgħu bi ħmistax, Victoria Hotspurs u Kerċem Ajax issa għandhom tlettax-il punt kull wieħed, Sannat Lions disgħa, Oratory Youths u SK Victoria Wanderers erba’ punti kull wieħed, u fl-aħħar post Xagħra United b’logħba aktar mingħajr l-ebda punt.

Klassifika GFA BOV Gozo Football League tal-Ewwel Diviżjoni

Lagħbu Punti
Għajnsielem 7 19
Nadur Youngsters 7 16
Xewkija Tigers 7 15
Victoria Hotspurs 7 13
Kercem Ajax 7 13
Sannat Lions 7 9
Oratory Youths 7 4
SK Victoria Wanderers 7 4
Xagħra United 8 0.

Miktub minn...
Rodney Vassallo