Kampjonat Għawdxi – Xewkija Tigers jibqgħu l-ewwel wara rebħa fuq Victoria H

Kampjonat Għawdxi – l-1 Diviżjoni 

Xewkija Tigers …….. 2
Victoria Hotspurs … 1

Xewkija Tigers kisbu rebħa ta’ tnejn b’wieħed kontra Victoria Hotspurs.

Xewkija, li kienu mingħajr is-sospiż John Camilleri fetħu l-iskor fit-tmintax il-minuta permezz ta’ Daniel Bogdanovic.

Għal din il-logħba Victoria Hotspurs kienu mingħajr Jason Pace u Josef Buttigieg minħabba sospensjoni, u Jonathan Bajada imweġġa.
Xewkija irduppjaw minn penalty fil-ħamsa u tletin minuta meta Bogadnovic twaqqa fil-kaxxa wara li kien żmarkat bit-takuna minn Thierry Tazameta u l-attakant mill-Kamerun għeleb lil gowlkeeper bix-xutt mill-ħdax il-metru.

Il-Hotspurs pruvaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima u fis-sebgħin minuta setgħu japrofittaw minn plejer aktar wara li Xewkija tkeċċilhom Gennaro Hili.
Lej it-tmiem Hotspurs naqqsu l-iskor minn penalty fid-disgħa u tmenin minuta, wara li Rodney Buttigieg waqqa fil-kaxxa lil Miguel Montano, u l-istess plejer ikkonkluda fil-lasti.

Għajnsielem …. 1
Oratory Y …….. 1
Għajnsielem min-naħa tagħhom ġew miżmuma fi draw ta’ wieħed b’wieħed minn Oratory Youths.
Oratory issorprendew lil-Għajnsielem bil-gowl tal-vantaġġ fl-erbgħa u erbgħin minuta b’lob mill-isbaħ ta’ Anderson Ribeiro, li approfitta minn clearance ħażina tad-difiża u kkonkluda fil-lasti minkejja li kien f’posizzjoni angolata u xi ftit il-boghod.

Fid-disgħa u sittin minuta Anderson Ribeiro ta’ Oratory, ħalla lil sħabu bi plejer anqas meta tkeċċa wara senjalazzjoni tal-assistent referee għal fowl mingħajr ballun fuq Kenneth Mercieca.

Għajnsielem irnexielhom isalvaw ir-riżultat b’awto gowl tal-gowlkeeper ta’ Oratory Leonard Camilleri, li ppanċja ħażin korner ta’ Shaun Bajada biex il-ballun spiċċa fix-xibka.

Kerċem Ajax ………… 0
St.Laurence Spurs … 0
Kerċem Ajax ukoll tilfu żewġ punti mportanti fl-ambizzjonijiet tagħhom li jkunu mat-timijiet ta’ fuq meta ġew miżmuma fi draw ta’ minghajr gowls minn St Lawrence Spurs.
Għal St Lawrence dan kien l-ewwel riżultat pożitiv fil-kampjonat.

Kerċem li kienu mingħajr Elton Vella minħabba sospensjoni, kellhom supremazija fil-pusses tal-ballun iżda sabuha diffiċli biex joħolqu azzjonijiet serji, min-naħa l-oħra St Lawrence idefendew tajjeb, u ħolqu ukoll xi azzjonijiet ta’ skor l-aktar permezz ta’ Sunday Baala u Jason Theuma.

Fil-klassifika – Xewkija Tigers telgħu fl-ewwel post b’għaxar punti, Victoria Hotspurs disgħa, Għajnsielem tminja, Kerċem Ajax sebgħa, Oratory Youths erbgħa, SK Victoria Wanderers tlieta u St Lawrence Spurs fl-aħħar post b’punt. Victoria Hotspurs u Xewkija għandhom logħba aktar.

Miktub minn...
Rodney Vassallo