Futbol internazzjonali
Kampjonat Premier Ingliż: Draw fid-derby ta’ Londra, Manchester City jirbħu barra minn darhom

Chelsea 2   Arsenal 2

Id-derby ta’ Londra fi Stamford Bridge laħaq l-aspettattiva li wieħed jistenna minn derby ta’ dan il-kalibru, bil-Blues u l-Gunners jieħdu punt kull wieħed fi draw ta’ 2-2. Il-logħba mal-ewwel ġiet għat-telgħa għal Arsenal għax fis-26 minuta David Luiz spiċċa muri karta ħamra diretta u mill-penalty, Jorginho poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ. L-iskor baqa’ 1-0 favur Chelsea sal-mistrieħ, bit-tieni taqsima toffri tliet gowls.

Martinelli ġab l-iskor indaqs fit-63 minuta meta daħal quddiem il-goalkeeper avversarju u xeħet fix-xibka għal 1-1. Fl-84 minuta Chelsea reġgħu marru minn fuq meta Hudson-Odoi għadda l-ballun fil-kaxxa lejn Azpilicueta li tefa’ fix-xibka għal 2-1. Il-Blues ħasbu li kellhom it-tliet punti ġewwa imma Hector Bellerin kellu ideat oħra għaliex ix-xutt fil-baxx tiegħu fis-87 minuta spiċċa ċaqlaq ix-xibka u ġab l-iskor indaqs għal darb’oħra.

 

Sheffield UTD 0   Manchester City 1

Manchester City irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Sheffield United 1-0. Gabriel Jesus falla penaltu għas-City fis-36 minuta, bil-gowl tar-rebħa jkun skurjat minn Sergio Aguero fit-73 minuta wara li De Bruyne ġabu waħdu quddiem lasta vojta.

 

Everton 2   Newcastle UTD 2

Żewġ gowls matul il-ħin addizzjonali tal-logħba taw spettaklu f’Goodison Park, biss żgur mhux għal Everton li tilfu vantaġġ ta’ żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti. It-Toffees marru minn fuq man-nofs siegħa logħob meta Moise Kean irċieva mingħand Bernard u kkonkluda fix-xibka. Fit-tieni taqsima Everton żiedu ieħor, din id-darba meta Calvert-Lewin sab ix-xibka wara pass minn Digne għal 2-0. Il-ħin addizzjonali fi tmiem il-logħba kellu jkun ta’ 4 minuti, u mar-raba’ minuta Newcastle naqqsu d-distakk meta Florian Lejeune kkonkluda mir-rebound għal 2-1. Minħabba l-gowl ingħataw xi ftit tas-sekondi żejda mir-referee u t-Toons dak li kellhom bżonn għaliex l-istess Lejeune reġa’ sab ix-xibka biex għamel l-iskor finali 2-2.

 

Crystal Palace 0   Southampton 2

B’gowl f’kull taqsima s-Saints ħarġu rebbieħa barra minn darhom għand Crystal Palace bl-iskor ta’ 2-0. L-ewwel gowl wasal minn Redmond fit-22 minuta u fit-48 minuta Armstrong skorja t-tieni u għalaq il-logħba.

 

Bournemouth 3   Brighton 1

Ftit tan-nifs għal Bournemouth wara li ħarġu rebbieħa fuq Brighton 3-1. Wilson fetaħ l-iskor għal Bournemouth fis-36 minuta, bi Gross jitfa’ fix-xibka tiegħu stess fil-41 minuta u jagħmilhom 2-0. Wilson reġa’ skurja kwarta mit-tmiem, bi Brighton jiskurjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fil-81 minuta permezz ta’ Mooy.

 

Aston Villa 2   Watford 1

Fil-logħba tan-naħa t’isfel tal-klassifika f’Villa Park, Aston Villa ħarġu rebbieħa fuq Watford 2-1 biex ħadu xi ftit tan-nifs fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni. Watford dehru li ser ikomplu bir-riżultati pożittivi tal-aħħar logħbiet wara li fit-38 minuta Deeney sab ix-xibka u għamilhom 1-0 sal-mistrieħ. Fit-68 minuta Luiz għamel l-iskor indaqs għall-Villians u meta kollox deher li l-logħba ser tispiċċa fi draw, Mings tefa’ fix-xibka fil-ħames minuta fuq il-ħin regolamentari biex ta rebħa importanti lil Aston Villa f’darhom.

 

Illum jintlagħbu tliet logħbiet oħra mill-Kampjonat Premier Ingliż:

20:30 Leicester City – West Ham
20:30 Tottenham Hotspur – Norwich City
21:15 Manchester United – Burnley

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA