Futbol internazzjonali
Kampjonat Premier Ingliż: Leicester iżommu l-pass in-naħa ta’ fuq, Tottenham jirritornaw għar-rebħ u Manchester UTD maħsuda minn Burnley

Leicester City 4   West Ham 1

Leicester City żammew il-pass ma’ Manchester City fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika tal-Premier Ingliż meta fil-King Power Stadium għelbu lil West Ham 4-1. Leicester fetħu żewġ gowls vantaġġ fl-ewwel taqsima, b’Barnes jiskorja l-ewwel wieħed fl-24 minuta, imbagħad Pereira rdoppja mal-ħames minuta tal-ħin addizzjonali tal-ewwel taqsima.

Fil-50 minuta West Ham naqqsu d-distakk meta Noble skorja mill-11-il metru u għamilhom 2-1, imma doppjetta ta’ Perez fl-aħħar disa’ minuti tal-logħba kienet biżżejjed biex serrħet ras il-manager Brendan Rodgers mit-tliet punti. B’gowls fil-81 minuta minn penalty u ieħor fit-88 minuta, Leicester City rebħu 4-1 biex fetħu 8 punti distakk fuq Chelsea li jinsabu warajhom.

Tottenham H. 2   Norwich 1

Tottenham Hotspur irritornaw għar-rebħ wara erba’ logħbiet bla rebħa meta f’darhom għelbu lil Norwich 2-1. Dele Alli fetaħ l-iskor fit-38 minuta għall-Ispurs, b’Norwich jagħmlu l-iskor indaqs fis-70 minuta mill-penalty ta’ Pukki. Son reġa’ poġġa lil Tottenham minn fuq fid-79 minuta bit-tieni gowl, vantaġġ li żammew sat-tmiem biex rebħu 2-1 u telgħu fis-6 post tal-klassifika.

Manchester UTD 0   Burnley 2

Il-ħasda tal-ġurnata waslet f’Old Trafford wara li Manchester United sofrew it-tieni telfa konsekuttiva f’temp ta’ tlett ijiem, din id-darba kontra Burnley bl-iskor ta’ 2-0. B’gowl f’kull taqsima Burnley għamlu ċert mit-tliet punti li qatgħuhom xi ftit ‘il fuq miż-żona tar-relegazzjoni. Wood għamel l-iskor 1-0 fid-39 minuta, filwaqt li Rodriguez skorja t-tieni fis-56 minuta.

Illejla tintlagħab logħba waħda mill-Kampjonat Premier Ingliż meta Wolves jilqgħu lil Liverpool f’darhom. Il-logħba tibda fid-21:00.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA