Kickboxing
Kampjonati Nazzjonali tal-Kickboxing hekk kif l-MKBA ġiet rikonoxxuta minn SportMalta

Minn Diċembru li ġej f’Malta se jibdew jittellgħu l-kampjonati nazzjonali tal-kickboxing, hekk kif l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kickboxing (MKBA) ġiet rikonoxxuta uffiċjalment minn Sport Malta bħala entità sportiva.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa llum, li kienet indirizzata mill-President tal-MKBA Isaac Chetcuti u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar, fost l-oħrajn.

Chetcuti spjega kif l-MKBA kienet imwellda 4 snin ilu, fejn flimkien ma’ Master Noel Mercieca beda jiddiskuti l-bżonn li tinħoloq assoċjazzjoni biex l-isport jimxi ‘l quddiem.

Hekk għaqddu l-kumitat, u bdew diskussjonijiet ma’ Sport Malta, li matulhom ingħatat ħafna għajnuna minn Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Minkejja li l-MKBA għadha żagħżugħa, il-kickboxing f’Malta beda fl-1985, fejn kien introdott minn Adrian Axisa, li sal-2004 beda jorganizza kompetizzjonijiet lokali. Mill-2005 daħal fix-xena Master Noel Mercieca, li introduċa wkoll ġlidiet internazzjonali. Kien fl-2011 li nħolqot il-Gladiators Promotions, li għolliet il-livell tal-avvenimenti.

Minbarra ġlidiet internazzjonali f’Malta, l-atleti Maltin kellhom iċ-ċans jitilgħu jikkompetu barra, fejn intrebħu titli Ewropej u dinjin, bħal dak ta’ Daniel Zahra li l-ġlieda tiegħu xxandret ukoll fuq Eurosports live.

Chetcuti qal li l-MKBA se tkun qed tirregola l-kickboxing f’Malta u tmexxi l-isport ‘il quddiem billi tgħin lill-atleti u toħloq ambjent iktar sigur, kif ukoll iżjed opportunitajiet.

Il-kampjonati nazzjonali, li se jsiru l-ewwel darba f’Diċembru li ġej, se jkunu miftuħa għall-klabbs kollha, anki dawk li mhumiex imsieħba mal-MKBA. It-titli se jkunu għal Novice Pro, Amateur u tfal.

L-atleti li jirbħu t-titli nazzjonali se jkunu qed jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Malti u se jikkompetu f’kampjonati dinjin. L-ispejjeż tal-atleti se jitħallsu mill-fondi li l-MKBA tiġbor matul is-sena minn memberships, gradings u avvenimenti oħra.

Minn din is-sena wkoll ħa jkun introdott it-titlu Best Fighter of the Year, li ħa jkun ad unur Hugo Chetcuti, li fil-passat għen ħafna lil dan l-isport permezz ta’ sponsorships.

L-ittestjar kontra d-doping se jkun ukoll parti importanti fix-xena tal-kickboxing, u atleta li jinstab pożittiv għal xi sustanzi jista’ jiġi kwalifikat anki wara li jkun rebaħ ġlieda.

Mil-lat ta’ sigurtà, l-atleti se jibda jsirilhom MRI jew CT Scan qabel jiġġieldu, b’Cetchuti jappella għall-possibiltà li jkun hemm għajnuna biex sptarijiet pubbliċi joffru lill-atleti professjonali dan l-iscan b’xejn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, qal li huwa ta’ pjacir għalih li din assocjazzjoni mill-ewwel bdiet il-proċess biex tirreġistra ruħha ma’ Sport Malta, bil-benefiċċji u l-obbligazzjonjiet li dan iġib miegħu.

Sostna li jekk assoċjazzjoni sportiva trid turi serjetà, għandha tkun regolata minn Sport Malta. Huwa ħeġġeġ għaqdiet sportivi oħra biex jimxu fuq l-eżempju tal-MKBA u jirregolarizzaw ruħhom.

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Kickboxing

Il-Kickbxer Malti Keith Azzopardi il-bieraħ filgħaxija kien dikjarat iċ-Champion il-ġdid tal-kategorija Featherweight tal-World Kickboxing Network. Il-ġlieda li kien involut fiha Azzopardi kontra l-Franċiż Jonathan Pastorino fil-kategorija taħt is-60kg u saret…

Kickboxing

Il-kickboxer Maltija Diane Schembri minn Ying Yang Team Noel irritornat lura pajjiżna ftit tal-jiem ilu wara li rrappreżentat lil Malta ġewwa Bedzin, il-Polonja fil-kompetizzjoni ‘Girl Power 8’. Wara li telgħu…

Kickboxing

L-atleti ta’ Team Noel Diane Schembri u Keith ‘Speed’ Azzopardi ser ikunu qegħdin jirrappreżentaw lil pajjiżna għal darb oħra, din id-darba ġewwa l-Polonja u Franza rispettivament taħt it-tmexxija ta’ Master…

Kickboxing

Il-Ħadd li għadda, il-‘World Kickboxing Network’ (WKN), flimkien mal-Assoċċjazzjoni tal-Kickboxing f’Malta (MKBA) organizzat it-tieni edizzjoni tal-eżamijiet għal din is-sena. Dan sar fil-Ying Yang Kickboxing Club, Fgura taħt it-tmexxija ta’ Kancho…

Aktar