X

Kampjonati tal-Powerlifting 2018

Fi tmiem il-ġimgħa kien organizzat il-Kampjonat Nazzjonali tal-Powerlifting fil-Cottonera Sports Complex fi ħdan il-Malta Drug-Free Powerlifting Association. 11-il atleta minn 25 atleta kienu qegħdin jikkompetu f’dan l-isport għall-ewwel darba. L-aħjar atleta nazzjonali fil-kategorija tan-nisa kienet Maria Debono fejn irreġistrat squat ta’ 102.5kg, 62.5kg fil-benchpress u 137.5kg fid-deadlift. Wara Debono kien hemm Tamasin Mallia u Maria Qvarnstörm fejn ikkompetew fil-kategorija tat-63kg u t-53kg rispettivament. B’kollox ikkompetew 6 nisa f’dan l-isport, fejn Sonia Brahmi u Annette Micallef Arnaud ikkompetew għall-ewwel darba, waqt li Rachel Ann Said tejbet postha fir-rankings nazzjonali billi kisbet 207 punti.

Charles Degorgio ġie l-ewwel mill-irġiel bi squat ta’ 200kg , benchpress ta’ 120kg u deadlift ta’ 240kg. Din hija t-tieni darba li Degiorgio ħa t-titlu tal-aqwa lifter fil-Kampjonati Nazzjonali. Matteo Aquilina ġie lura fuq il-platform wara li kien ilu nieqes mill-isport għal ftit xhur minħabba injury u kiseb it-tieni post mill-irġiel. Josef Spiteri ħa t-tielet post, fejn Spiteri kellu l-ikbar benchpress tal-ġurnata b’175kg. Alwyn Cassar, li għad għandu 17-il sena tejjeb in-numri tiegħu b’total ta’ 82.5kg mill-aħħar kompetizzjoni f’Marzu u kiser 4 rekords nazzjonali fil-kategorija tat-Teenager. Cleaven Cutajar tejjeb ir-rekord nazzjonali tad-deadlift b’10kg. Dan ir-rekord kien ilu ma jinkiser seba’ snin.

Din il-kompetizzjoni rat ħafna wċuħ ġodda speċjalment atleti li kkompetew fil-kategoriji tat-Teenagers. Fosthom kien hemm Josef Curmi u Juan Fenech li t-tnejn kisbu numri promittenti u jidher li għandhom fejn jimirħu fil-futur qrib f’dan l-isport. Kurt Degiorgio ġab numri tajbin u fil-fatt kiseb l-ewwel post fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena.

Tajjeb li wieħed isemmi li bħalissa l-assoċjazzjoni għandha diversi atleti li qegħdin jippreparaw għall-Kampjonat Dinji tal-Full Power li se jsir fi ftit ġimgħat oħra fl-Iskozja, fi ħdan id-WDFPF. F’Diċembru, il-Malta Drug-Free Powerlifting Association se tkun qiegħda torganizza għall-ewwel darba l-Kampjonati Nazzjonali tas-Single Lifts.