Oħrajn
Karate: 6 Midalji tad-Deheb għall-Federazzjoni Maltija tal-Karate f’San Marino

30 atleta mill-Federazzjoni Maltija tal-Karate bl-etajiet ta’ bejn it-tlettax u d-dsatax-il sena ħadu sehem fil-ħames edizzjoni tal-Kampjonati tal-Karate tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa li saru ġewwa San Marino, il-Ġimgħa 28 u s-Sibt 29 ta’ Settembru 2018.

L-atleti pparteċipaw fil-Kata (forom) kif ukoll fil-Kumite (ġlied) fejn kisbu 6 medalji tad-deheb, 7  tal-fidda u 15 tal-bronz.  Il-fuq minn 300 atleta b’489 entratura minn Andorra, Ċipru, L-Islanda, Liechtenstein, Lussemburgu, Malta, Montenegro, Monaco u San Marino ħadu sehem f’dawn il-kampjonati.

It-tim ta’ Malta kien akkumpanjat minn Audrey Zammit bħala HOD, mid-Direttur Tekniku Jesmond Schembri, mit-Tim tal-Kowcis Nazzjonali Michelle Vella, Joe Tanti, Josef Antonelli u Joseph Mizzi kif ukoll MKF Referees Anthony Zammit, Susan Zammit, Cristina Tonna u Elizabeth Grech.

Il-Federazzjoni Maltija tal-Karate kompliet issaħħah il-pożizzjoni tagħha ġewwa l-Federazzjoni tal-Karate tal-Istati ż-żgħar tal-Ewropa  bil-ħatra tad-Direttur Tekniku tal-MKF, Jesmond Schembri, bħala membru tal-Kummissjoni Teknika tal-SSEKF, kif ukoll bil-konferma tal-President tal-MKF, Kenneth Abela, bħala Teżorier. Suċċess ukoll għal Susan Zammit, Cristina Tonna u Elizabeth Grech li laħqu Referees Ufficcjali tal-SSEKF.

Miktub minn...
TVM Sport