Olimpijadi TOKYO 2020
Karsten Warholm jerġa’ jagħmilha fit-tellieqa tal-400 metru bl-ostakoli

Aktar kmieni matul il-ġurnata tat-Tlieta kien hemm stennija kbira għall-finali tal-400 metru hurdles tal-irġiel, bl-attenzjoni kollha mitfugħa fuq in-Norveġiż Karsten Warholm. Mhux ta’ b’xejn li n-Norveġiż spiċċa jqatta’ l-flokk li kellu fuqu malli ħares lejn l-arloġġ u l-ħin ġdid li għamel, qabel intefa’ għarkupptejh fl-art.

Kienu ħafna dawk li stennew li Warholm kien ser jikser ir-rekord dinji, biss ħadd ma stenna li fil-verità kien ser innaqqas dan ir-rekord bi kważi sekonda sħiħa.

Ix-xahar li għadda, Karsten Warholm kien kiser ir-rekord ta’ Kevin Young li kien ilu mwaqqaf 29 sena, u għamel ħin ta’ 46.70 sekondi.

Biss fit-tellieqa fl-Istadium Olimpiku tal-Ġappun, Warholm naqqas 0.76 sekondi biex għamel it-tellieqa tal-400 metru bl-ostakoli f’45.94 sekondi.

Matul it-tellieqa kollha n-Norveġiż kellu l-isfida tal-Amerikan Rai Benjamin li spiċċa fit-tieni post, f’ħin ta’ 46.17 sekondi. Warajhom daħal il-Brażiljan Alison dos Santos f’ħin ta’ 46.72 sekondi.

Jidher li t-teknoloġija l-ġdida li qed tintuża’ fiż-żraben tal-ġiri qed tkun il-katalist għal dawn il-ħinijiet mill-aqwa u rekords dinjija miksura. Biss probabbli, kemm Warholm u anke Benjamin, qas kieku ġrew ħafja, xorta kienu ser joffru spettaklu lid-dinja kollha.

It-tlielaq ta’ Karsten Warholm dejjem qed ikunu qishom li jrid jikser ir-rekord dinji, filwaqt li Rai Benjamin kien diġà għamel ħin ta’ 46.83 sekondi fit-time trials fl-Istati Uniti, allura kien mistenni li r-rekord dinji ser jerġa’ jinkiser fi ftit żmien.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA