Olimpijadi TOKYO 2020
Kendricks u Chiaraviglio barra mill-Olimpjadi filwaqt li 63 atleta mill-kontinġent Awstraljan jinsabu iżolati

L-Amerikan Sam Kendricks u l-Arġentin Ġerman Chiaraviglio rriżultaw pożittiv għal test tal-Covid-19 u allura ma jistgħux jikkompetu fl-Olimpjadi. Iż-żewġ atleti huwa pole vaulters u jidher li ġew f’kuntatt ma’ xi atleti tal-kontinġent Awstraljan li wkoll tqiegħdu f’iżolament. Skont il-midja Żvediża, Armand Duplantis li bħalissa għandu r-rekord dinji f’idu, ma ġiex f’kuntatt mal-atleti l-oħra u allura jista’ jibqa’ jikkompeti.

Fi tweet ippubblikata mill-Kumitat Olimpiku Amerikan intqal li s-saħħa tal-atleti, coaches u staff hija l-għola prijorità u minħabba f’hekk Kendrick kien ittrasferit f’lukanda apposta fejn jinsab iżolat, imma qed jirċievi s-sapport kollu meħtieġ mingħand l-istaff tal-USATF u USOPC.

L-Arġentin Chiaraviglio kkonferma hu stess li l-Olimpjadi spiċċaw għalih, u qal li hija diffiċli ħafna li jinsab waħdu imma jaf li dan il-mument mhux ser idum biex jgħaddi.

Skont il-Kumitat Olimpiku Awstraljan, l-atleti Awstraljani li ġew f’kuntatt jinsabu iżolati u qed isirulhom it-testijiet meħtieġa skont il-protokolli.

Il-linji gwida tal-Olimpjadi jgħidu li dawk l-atleti li jkunu ġew f’kuntatt ma’ xi ħadd infettat bil-Covid-19 u jkunu għadhom ma kkompetewx, iridu jkunu iżolati mill-kumplament tal-kontinġent. Sitt sigħat qabel il-kompetizzjoni tagħhom jiġu ttestjati u jekk jirriżultaw negattivi jkunu jistgħu jipparteċipaw.

Il-programm tal-atletika għandu jibda għada l-Ġimgħa, bil-kwalifikazzjoni tal-pole vault issir is-Sibt. Għaldaqstant, il-midja Awstraljana rrappurtat li 63 membru tal-kontinġent kienu iżolati minħabba li l-Awstraljan Kurtis Marschall tħarreġ ma’ Kendricks.

Għall-Istati Uniti din kienet daqaa ta’ ħarta għar-rebħ ta’ midalji, għaliex Kendricks rebaħ it-titlu dinji fl-2017 u 2019, u fl-2016 kien rebaħ il-bronż fl-Olimpjadi ta’ Rio. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena kienet ċara li l-isfida prinċipali fil-pole vault kienet ser tkun bejn Kendricks u Duplantis, biss issa l-Iżvediż jista’ jirbaħ il-kompetizzjoni b’aktar faċilità.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA