Olimpijadi TOKYO 2020
Kenji Shibuya jgħid li “l-bużżieqa li ilha tissemma’ diġà nfaqgħet,” ftit sigħat qabel jibdew l-Olimpjadi

Numri kbir t’atleti baqgħu jaslu fil-Villaġġ Olimpiku filwaqt li l-awtoritajiet qed jagħmlu dak kollu possibbli biex każi t’infezzjonijiet bil-Covid-19 jaqbduhom mal-ewwel. Skont wieħed mill-esperti tas-saħħa, Kenji Sibuya, qal li l-‘bużżieqa’ li ilha tissemma’, diġà nfaqgħet fil-Villaġġ Olimpiku, fejn aktar minn 11,000 atleta huma mistennija joqgħodu sa nofs Awwissu li ġej. Skont l-espert mediku hemm riskju kbir li l-infezzjonijiet jisplodu mhux biss fil-Villaġġ Olimpiku imma anke fil-belt ta’ Tokjo.

Diġà kien hemm għaxriet ta’ każijiet irrappurtati mindu l-atleti bdew jaslu Tokjo, b’oħrajn baqgħu d-dar għax instabu pożittivi qabel qabdu t-titjira lejn il-Ġappun. Matul Lulju, kien hemm 58 każ pożittiv t’atleti, staff u uffiċjali li għandhom x’jaqsmu mal-Logħob Olimpiku, li nstabu infettati bil-Covid-19.

Skont il-President tal-Kumitat Olimpiku Thomas Bach, il-protokolli tal-ittestjar u l-kwarantina mhux ser iħallu r-riskju li l-atleti jinfettaw lir-residenti Ġappuniżi. Biss mhux tal-istess ħsieb huwa Shibuya, l-ex Direttur tal-Istitut tas-Saħħa Pubblika f’King’s College ta’ Londra. Skont Shibuya, mhux isir ittestjar biżżejjed fil-fruntieri ta’ Tokjo u huwa impossibbli li tikkontrolla l-moviment t’eluf ta’ persuni.  Kenji Shibuya qiegħed jgħid li kummenti bħal tal-President Thomas Bach qed iħawdu lin-nies u jirrabjawhom, għax bejn dak li qed jgħid u dak li qed iseħħ fir-realtà, hemm differenza kbira.

F’April li għadda, Shibuya kiteb kummentarju flimkien ma’ persuna oħra dwar l-Olimpjadi fil-Ġurnal Mediku Brittaniku. Fil-kummentarju kitbu li lp-Logħob Olimpiku għandu jiġi rikunsidrat minħabba li l-Ġappun ma kienx qed jirnexxielu jsib tarf tal-coronavirus.

S’issa fil-Ġappun huma biss 33% li rċevew l-ewwel doża tal-vaċċin, u filwaqt li f’Ġunju n-numri ta’ persuni mlaqqma telgħu xi ftit, fl-aħħar jiem kien hemm problemi loġistiċi u nuqqas ta’ dożi li waqqfu l-proċess tat-tilqim. Hija biss il-belt ta’ Soma, fin-naħa ta’ fuq tar-reġjun ta’ Fukushima li rnexxielha tlaqqam kważi lir-residenti kollha.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA