Klinika ġdida “state of the art” għal kulħadd mill-MFA

Minn nhar it-Tnejn li ġej se jinfetħu uffiċjalment il-bibien tal-Millenium Physiotherapy Clinic, fil-Millenium Stand, f’Ta’ Qali.

Din il-klinika se tkun aċċessibli għal kulħadd u mhux biss plejers tal-futbol, u se tieħu post dik eżistenti li hemm fiċ-Ċentru Tekniku f’Ta’ Qali biswit iz-zona ristretta tal-Istadium Nazzjonali.

Fit-tieni sular tal-Millenium Stand faċċata tal-bieb prinċipali tal-uffiċini tal-MFA, din il-klinika l-ġdida se tkun immexxija mit-tabib tal-MFA Dr David Attard, li se jkun assistit minn numru ta’ fiżjoterapisti professjonali.

Il-klinika “state of the art” se tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-tmienja u nofs ta’ fil-għodu sas-sebgħa u nofs ta’ fil-għaxija, u s-Sibtijiet fin-nofs ta’ nhar ta’ fil-għodu.

Dan l-investiment li sewa eluf kbar ta’ ewro jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-MFA li tiftaħ aktar l-orriżonti tagħha, u permezz ta’ din l-entita li ser topera fuq bażi kummerċjali, tkompli mhux biss tibqa għaddejja fil-ħidma tagħha għal ġid tal-futbol Malti, iżda ukoll toffri servizz lil dawk l-atleti u mhux biss li jiġu bżonn ta’ din il-klinika.

Is-Sibt fil-għodu l-ġurnalisti kienu mistiedna jaraw mill-viċin is-servizzi li toffri din il-klinika, u f’kelmtejn għall-okkażjoni s-segretarju ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo qal li din il-klinika se tħabbatha sew ma’ ċentri oħra barra minn Malta, waqt li rringrazzja lill-istess tabib David Attard u nies oħra fl-MFA fosthom Norman Saliba u Manuel Cassar għax-xogħol tagħhom biex din il-ħolma, u dan il-proġett ambizzjuż seta jsir realta.

Miktub minn...
Rodney Vassallo