Kollox incert fir-Relegation Pool

Ir-riżultati fit-3 logħbiet tal-bieraħ mir-Relegation Pool ħallew kollox miftuħ beraħ, u incertezza kbira dwar min se jkun it-tieni tim li se jkun relegat ma’ Rabat Ajax fl-Ewwel Diviżjoni.

Bla dubju, r-riżultat tal-ġurnata kisbuh Floriana li wara li bidlu l-kowċ, it-Taljan Giovanni Tedesco beda b’rebħa fid-debutt tiegħu, meta għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 2-0.

Il-grinta, d-determinazzjoni u s-sapport tal-partitarji numerużi tagħhom għenu lil Floriana jiksbu dawn it-tliet punti prezzjużi.

Min-naħa l-oħra Tarxien kienu diżappuntati bil-kontroll tar-referi Glen Tonna li keċċa żewġ plejers Tarxiniżi, u r-Rainbows qed iwaħħlu fl-uffiċjali tal-partita.

F’dan ir-Relegation Pool, rajna ukoll trasformazzjoni minn Qormi, tim bla ħeġġa u plejers tat-tim saħansitra jikkritikaw lil amministrazzjoni fl-ewwel fażi, iżda fit-tieni fażi kulħadd ġibed ħabel wieħed, u bir-rebħa tal-bieraħ bl-iskor ta’ 1-0 fuq Naxxar Lions, Qormi issa huma kważi salvi, u jonqoshom biss punt mill-aħħar żewġ logħbiet, hekk kif il-kwota tas-salvazzjoni hija 27 punt.

Fil-logħba l-oħra, Vittoriosa Stars kisbu rebħa li tista ma tiswa għal xejn, meta b’iktar diffikulta milli mistenni għelbu lit-tim tal-qiegħ Rabat Ajax bl-iskor ta’ 2-1.

Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja iktar emozzjonijiet u iktar drama f’Relegation Pool mill-isbaħ bil-partiti – Floriana – Naxxar Lions, Tarxien Rainbows – Rabat Ajax u Vittoriosa Stars – Qormi.

Klassifika – Relegation Pool – Qormi 26, Floriana 24, Naxxar L 23, Tarxien R 22, Vittoriosa S 21, Rabat A 4

 

Miktub minn...
Rodney Vassallo