Sport Lokali
KOM: Jitwaqqaf il-Kumitat Paralimpiku Malti

Bidu ġdid għall-Isport Paralimpiku Malta bit-twaqqif tal-Kunsill tal-Para Atleti Malti u tal-Kumitat Paralimpiku Malti li qed jiġi  fdat bl-iżvilupp tal-isports għal atleti b’diżabbilità fiżika.

L-MPC se jopera taħt l-awspiċji tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, bi struttura analoga għall-Kumitat Olimpiku Malti. Il-mira immedjata hi li Malta tibgħat tim b’saħħtu ta’ para atleti għal-Logħob Paralimpiku ta’ Tokyo 2020 u li jinħloq qafas sostenibbli u professjonali sabiex para atleti b’diżabilitajiet fiżiċi jkunu jistgħu jipprattikaw u jikkompetu fi sport kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

L-ewwel Kumitat Eżekuttiv elett tal-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta, magħmul minn Prof. Joseph N. Grima (President), Dr Julian Bajada (Segretarju Ġenerali), is-Sur Nello Calleja (Treasurer), Ms Vladyslava Kravchenko (Rappreżentant tal-Atleti), u l-membri eżekuttivi li ġejjin, is-Sur Simon Zammit, Sur George Vella, is-Sur Joseph Bajada u s-Sinjura Carmen Borg, ġie approvat b’mod unanimu mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali Maltin tal-isports li kienu preżenti fil-laqgha generali inawgurali li saret nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju 2018. Dan il-kumitat hu wieħed b’saħħtu u jinkludi atleti, coaches, referees, ġenituri, dilettanti sportivi u persuni b’esperjenza fl-amministrazzzjoni sportiva.

Is-Segretarju Ġenerali elett, Dr Julian Bajada (para atleta u gradwat fil-liġi mill-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Cambridge) qal li “dan huwa mument storiku għall-iSports Paralimpiku f’Malta – għandna triq twila quddiemna, imma aħna tim ambizzjuż ta’ individwi ddedikati li jixtiequ jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tal-Para Atleti tagħna.”

Imwieled b’numru ta’ nuqqasijiet fiżiċi u wara li għadda minn serje ta’ operazzjonijiet serji, Julian enfasizza l-benefiċċji ta’ l-isports, u nnota li “hemm aktar minn 15,000 individwu li huma reġistrati b’nuqqasijiet fiżiċi f’Malta – irridu nbiddlulhom ħajjithom bis-saħħa ta’ l-isports. Illum l-ġurnata, l-Para Atleti Maltin u Għawdxin tgħoddhom fuq subajk. Dan huwa fatt mhux aċċettabbli u għalhekk għandna responsabbiltà kollettiva biex inbiddlu r-realtà.”

Bl-istess ħsibijiet, il-President elett, il-Professur Joseph N. Grima, enfasizza x-xewqa tal-Kumitat Eżekuttiv li jħalli marka fuq l-Isport Paralimpiku f’Malta, u qal li “illum huwa l-ewwel pass f’vjaġġ twil li se juri lil kulħadd li para atleti b’diżabilitajiet fiżiċi ma jafux limiti.” Grima kompla billi ddikjara li, “aħna impenjati li naħdmu ma l-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali, para-atleti u l-coaches tagħhom biex nuru li l-Para Sports huwa element centrali u importanti fl-isport Malti. Irridu nimxu mill-inklużjoni fuq il-karta għall-inklużjoni fil-prattika biex kull atleta Malti, mingħajr eċċezzjoni, ikun jista jibbenfika b’mod sħiħ mill-isport”

Vladyslava Kravchenko, accountant u l-ewwel għawwiema femminili li rrappreżentat lil Malta fil-Logħob Paralimpiku ta’ Rio 2016, ġiet ukoll approvata bħala c-Chairperson tal-ewwel Kunsill tal-Atleti Paralimpiċi ta’ Malta, u se tkun ir-Rappreżentant tal-Atleti fl-Kumitat Eżekuttiv. Vlada rrimarkat li “r-rappreżentazzjoni tal-para atleti fil-livelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija essenzjali biex tiżgura li l-para atleti jitqiegħdu fil-qalba ta’ l-isport.”

Il-laqgħa ġenerali kienet segwita mit-tnedija uffiċjali tal-MPC, fejn diversi mistednin distinti ndirizzaw lil dawk preżenti, inklużi: Elissavet Abdelnour (li tirrappreżenta l-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali), Oliver Scicluna (Chairperson tal-CRPD), Ryan Callus (Kelliem ta’ L-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport), u l-Onor. Dr Clifton Grima (Segretarju Parlamentari għall-Isport).

Il-membri eletti tal-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta rrikonoxxew u rringrazzjaw lill-viżjonarji li kienu instrumentali sabiex din l-inizjattiva tkun possibbli, b’mod partikolari l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Sport Malta, il-membri tal-Kumitat Ad-Hoc u l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi li se jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-MPC.

L-MPC irringrazzja wkoll lil Nathan Farrugia li kkoordina l-isport Paralimpiku f’Malta qabel ma ġiet stabbilita formalment din l-istruttura preżenti. Il-membri Eżekuttivi eletti tennew li huma ħerqana li jaħdmu bla heda għall-benefiċċju ta’ eluf ta’ individwi b’nuqqasijiet fiżiki u li jistabbilixxu relazzjoni miftuħa u kollaborattiva mal-partijiet interessati kollha li jaqsmu l-viżjoni tagħhom dwar l-inklużjoni sħiħa fl-isports.

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Żwiemel

KAMPJOANT BOV PREMIER 2018/19 Pietà H……..0 Sliema W….3 Sliema Wanderers rebħu t-tieni logħba li ntlagħbet fis-Centenary Stadium is-Sibt filgħaxija meta għelbu lil Pieta H. bl-iskor ta’ 3-0, biex b’hekk filwaqt…

Aktar