Sport Lokali
KOM – “Tkompli tikber il-ħsara irreparabbli fl-isport minħabba l-pandemija”

Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) kompla jżid mad-diżappunt dikjarat minn diversi entitajiet sportivi aktar kmieni llum, għall-fatt li l-isport ma ġiex ikkunsidrat fil-miżuri li tħabbru dalgħodu mill-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

Il-KOM kompla jispjega li minkejja bosta tentattivi biex jidħlu f’diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika dwar kif l-aħjar wieħed jimxi biex jippermetti l-prattika tal-isport f’parametri sikuri, dan ġeneralment ġie njorat u kien biss ġimgħatejn ilu li dan seħħ.

Sadanittant il-KOM kien f’kuntatt regolari mas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Sport Malta u t-tmienja u erbgħin Federazzjoni Nazzjonali affiljati mal-KOM. Din il-komunikazzjoni wasslet għall-eżenzjonijiet għall-atleti tat-tim nazzjonali sabiex setgħu jippreparaw għal kampijiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet internazzjonali.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-partijiet interessati fl-isport diġà sofrew ħsara irreparabbli minħabba l-pandemija Covid-19, minkejja li stabbilixxew il-protokolli u r-rakkomandazzjonijiet kollha mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-KOM għalhekk jappella lill-Awtoritajiet biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-prattika u l-organizzazzjoni ta’ sports kompetittivi fuq livell Elite b’urġenza, bil-linji gwida tas-saħħa kollha fis-seħħ.

Il-Kumitat Olimpiku Malti anke appella għall-fiduċja fl-amministraturi tiegħu li se jiżguraw li s-salvagwardji kollha qed jintlaħqu.

Miktub minn...
Rodney Vassallo