Motorsport
Kopja ta’ karozza tal-Formula E titħalla tiddewweb f’Londra

Filwaqt li l-Ingilterra tinsab f’nofs mewġa ta’ sħana bl-awtoritajiet tas-saħħa jħeġġu lill-pubbliku sabiex ma jqattax ħinijiet twal fix-xemx, l-Envision Virgin Racing poġġew kopja ta’ karozza tal-Formula E tas-silġ maġenb it-Tower Bridge u ħallewha tinħall, sabiex juru l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Il-partnet t’Envision Virgin Racing, Genpact, poġġew il-karozza tas-silġ għal ġurnata barra, esposta għas-sħana ta’ Londra. Il-kumpanija Genpact għenet lil Envision Virgin Racing sabiex iżommu newtrali mill-użu tal-karbonju. Mal-‘karozza silġ’ saret ukoll kompetizzjoni fejn il-pubbliku seta’ jbassar kemm kien il-volum tas-silġ imdewweb bis-sħana.

Għal kull tbassira li ddaħħlet, il-kumpanija Genpact tat donazzjoni ta’ dollaru Amerikan lill-Proġett tas-Silġ tal-Artiku, organizzazzjoni mhux profitabbli li qed taħdem sabiex tnaqqas it-tibdil fil-klima sabiex kemm jista’ jkun jiżdied il-volum tas-silġ fl-Artiku.

L-istaġun tal-Formula E ser ikompli fi tmiem din il-ġimgħa b’żewġt itlielaq fil-Lvant ta’ Londra. Wara dawn it-tlielaq ikun fadal l-aħħar tnejn f’Berlin, il-Ġermanja, ix-xahar id-dieħel.

Fil-preżent, Sam Bird tal-Jaguar jinsab fl-ewwel post tal-klassifika b’81 punt, ħamsa aktar minn Antonio Felix da Costa ta’ DS Techeetah’s Antonio Felix da Costa u Robin Frijns tat-tim Envision.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA