Motorsport
Kors Bażiku tal-Ewwel Għajnuna organizzat mill-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport

Fil-Jum Dinji tal-Ewwel Għajnuna, fil-11 ta’ Settembru, bl-appoġġ tal-Fédération Internationale de l’Automobile, FIA, u l-kollaborazzjoni tal-Malta Red Cross, il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport organizzat kors bażiku tal-Ewwel Għajnuna.

Il-kors t’10 sigħat beda bi tliet sigħat ta’ sessjoni online nhar il-Ħamis 9 ta’ Settembru, segwit minn żewġ sessjonijiet oħra f’lukanda f’San Ġiljan is-Sibt 11 ta’ Settembru.

Il-parteċipanti li attendew dan il-kors ingħataw ċertifikat ta’ tliet snin, rikonoxxut internazzjonalment, rikonoxxut lokalment miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki ta’ Malta (MQRIC) u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Apparti ċertifikat ta’ 3 snin, dawk li attendew akkwistaw karta tal-identità tal-Ewwel Għajnuna personalizzata.

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport offriet dan il-kors lill-membri tal-Kumitat tal-klabbs affiljati tagħha, marixxalli, uffiċjali, u helpers oħra tal-motorsport.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA