Olimpijadi TOKYO 2020
Kristian Blummenfelt jirbaħ it-triathlon tal-irġiel filwaqt li t-toroq jimtlew bl-ispettaturi

Li żżomm ir-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19 mhux dejjem faċli. U dan qiegħed iseħħ f’Tokjo, fejn numru ta’ spettaturi ħarġu jsegwu lit-triatleti waqt il-kompetizzjoni li saret bħala parti mill-Olimpjadi 2020.

Għalkemm l-organizzaturi tal-Olimpjadi ħarġu b’direttivi kontra li jkun hemm spettaturi jsegwu l-Logħob Olimpiku, xorta waħda kien hemm mijiet ta’ nies li ħarġu jsegwu lill-atleti. Saħansitra, matul it-tellieqa kien hemm uffiċjali jġorru posters biex jindikaw lill-ispettaturi sabiex ma jinġabrux matul it-triq tat-tellieqa. Ir-residenti ta’ Tokjo dehru li riedu jkunu parti mill-Olimpjadi, fejn saħansitra kien hemm minnhom li qalu li barra hemm inqas riskju li jinxtered il-virus.

Fl-aħħar kien in-Norveġiż Kristian Blummenfelt li rebaħ id-deheb, f’tellieqa li bdiet kmieni filgħodu sabiex jiġu evitati t-temperaturi sħan li qed jolqtu Tokjo.

It-triathlon tan-nisa ser issir it-Tlieta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA