Olimpijadi TOKYO 2020
Krystsina Tsimanouskaya ser tfittex l-ażil fil-Ġermanja jew l-Awstrija

L-isprinter mill-Belarus Krystsina Tsimanouskaya qed tingħata protezzjoni fl-ambaxxata Pollakka wara li rrifjutat li tirritorna lura pajjiżha.

Nhar il-Ħadd li għadda Tsimanouskaya kienet ordnata tirritorna lura fil-Belarus wara li kkritikat lill-coaches tagħha wara li m’għaddietx mill-heat tal-100 metru. Jidher li l-ambaxxata Pollakka qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex Tsimanouskaya tkun tista’ tmur il-Polonja.

Il-Gvern Ġappuniż poġġa pulizija mal-ambaxxata Pollakka minħabba interess kbir mill-midja li inġabret quddiemha.

Krystsina Tsimanouskaya jidher li tappoġġja lill-oppożizzjoni fil-Belarus, u sors mill-Fondazzjoni ta’ Solidarjetà tal-Isports fil-Belarus qal li l-atleta ser tfittex l-ażil fil-Ġermanja jew l-Awstrija. Din il-Fondazzjoni hija l-leħen tal-atleti li jinsabu l-ħabs jew imwarrba minħabba l-fehmiet politiċi tagħhom.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA