Olimpijadi TOKYO 2020
Krystsina Tsimanouskaya tħalli Tokjo fi triqitha lejn Vjenna

L-atleta Krystsina Tsimanouskaya ħalliet il-Ġappun l-Erbgħa filgħodu biex tmur l-Awstrija. L-isprinter mill-Belarus kellha tfittex kenn fl-ambaxxata Pollakka wara li l-Kumitat Olimpiku ta’ pajjiżha bagħtha lura d-dar wara li lmentat dwar il-coaches tagħha.

Is-saga ta’ Tsimanouskaya kompliet titħabbel hekk kif kien skedat li taqbad titjira lejn Varsavja, il-Polonja, wara li l-Gvern Pollakk offrielha viża umanitarja wara li ma xtaqitx tmur lura l-Belarus u talbet protezzjoni diplomatika.

Iżda minflok qabdet it-titjira għal Varsavja, Tsimanouskaya qabdet titjira tal-Austrian Airlines u għandha tinżel fi Vjenna għall-ħabta tal-16:05. Skont membru mill-komunità tal-Belarus qal li d-diplomatiċi ddeċidew li jibdlulha r-rotta fl-aħħar ħinijiet għax kienu inkwetati dwar is-sigurtà tal-atleta.

Krystsina Tsimanouskaya waslet fl-ajruport ta’ Narita, il-Ġappun, assistitha mill-pulizija, u kienet liebsa nuċċali tax-xemx bil-messaġġ “I RUN CLEAN” fuqu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA