Olimpijadi TOKYO 2020
Krystsina Tsimanouskaya tqatta’ lejl f’lukanda qrib l-ajruport u ma tikkompetiex fil-200 metru

Kelliem għall-Gvern Ġappuniż qal li l-atleta tal-Belarus Krystsina Tsimanouskaya talbet il-protezzjoni tal-pulizija u issa tinsab f’pożizzjoni sikura.

Is-Segretarju tal-Kabinett Ġappuniż Katsunobu Kato qal li kemm il-Gvern, il-Kumitat Organizzattiv tal-Olimpjadi u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qegħdin jaraw x’seħħ eżatt fil-każ ta’ Tsimanouskaya. Din l-atleta tal-Belarus ħadet sehem fil-Heat 6 tal-100 metru tan-nisa, fejn spiċċat fir-raba’ post. B’hekk hija naqset milli tikkwalifika għas-semifinali u kkritikat lill-coaches tagħha, u spiċċat imkeċċija mill-Kumitat Olimpiku tal-Belarus.

Skont it-tobba tal-Kumitat Olimpiku tal-Belarus, Tsimanouskaya ma kenitx f’qagħda mentali u emozzjonali stabbli biex tkun tista’ tikkompeti u allura ġie deċiż li għandha tintbagħat lura pajjiżha. Krystsina Tsimanouskaya kienet mistennija tikkompeti t-Tnejn kmieni filgħodu f’Heat 5 tal-Ewwel Round tal-200 metru, iżda ma ħaditx sehem.

Skont rapporti li ħerġin mill-Ġappun jidher li l-atleta tal-Belarus għamlet lejl f’lukanda qrib l-ajruport, u għadu mhux magħruf meta ser tirritorna lejn pajjiżha.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA