Futbol lokali
Kunsill MFA: Nefqa ta’ aktar minn €21,000 fuq rapid tests għal aktar minn 1,500 persuna involuta fil-futbol Malti

Illum saret laqgħa oħra tal-Kunsill tal-MFA fejn fiha ġew diskussi diversi temi bejn l-amministrazzjoni u l-membri tal-klabbs u l-assocjazzjonijiet affiljati.

Fir-rigward tal-pandemija, l-MFA qalet ukoll li fl-aħħar 6 xhur, nefqet aktar minn €21,000 fuq rapid tests għal aktar minn 1,500 persuna involuta fil-futbol Malti u li meta jiżdiedu mal-ispejjeż straordinarji minħabba l-protokolli mediċi ċ-ċifra totali biex jitħaddmu l-kompetizzjonijiet bl-attivar tal-prevenzjonijiet, s’issa tlaħħaq €130,000.

L-amministrazzjoni tal-MFA spjegat kif se tkun qed tigi kostitwita u topera l-fondazzjoni ‘Inħobb il-Futbol’ fejn l-ewwel Bord ta’ Gvernaturi se jinkludi lil Gareth Sciberras bħala Chairman u Michael Galea, Raymond Vella, Sharon Costantino u Pippo Psaila kollha ex plejers u kowcis tat-timijiet nazzjonali, bħala membri fost rwoli oħrajn.

L-MFA ħabret ukoll l-elevazzjoni ppjanata fil-kategoriji kollha tal-coach education f’pajjizna, fosthom li mill-istaġun li ġej, kull kowċ fil-Kampjonat Premier irid ikollu l-liċenzja UEFA PRO, u kull kowċ fiċ-Challenge League irid ikollu minimu ta’ liċenzja UEFA A. Kull kowċ fl-Amateur League irid ikollu minimu ta’ Liċenzja UEFA C, mentri kull kowċ fil-Youth Development League Sezzjoni A irid ikollu minimu ta’ Liċenzja UEFA A. Dan wassal għall-approvazzjoni mill-membri preżenti wara li l-President tal-MFA Bjorn Vassallo saħaq li l-coach education huwa ħolqa kruċjali fil-katina tal-iżvilupp tal-futbol.

Fl-istess laqgħa, sar aġġornament dwar l-aħħar dettalji li se jkunu ppreżentati fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li se jsiru mad-diriġenti kollha tal-futbol dwar ir-revizjoni fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni biex tissaħħaħ il-governanza tal-futbol f’pajjiżna u ssir fost l-oħrajn is-separazzjoni tal-poteri, tinbidel ir-rappreżentanza fl-istrutturi u l-poteri tal-vot tal-membri.

L-MFA qalet li kompliet taħdem fuq kodiċi ta’ etikà li se jkun qed jibda f’qasir żmien u se testendi r-riforma li tinkludi tibdil fir-rekwiziti ta’ licenzjar tal-klabbs u se toħloq ristrutturar korporattiv skont il-livell li l-klabbs jimmillitaw fih sportivament.

Miktub minn...
TVM Sport