Futbol internazzjonali
Kuntatt bejn Andrea Agnelli u Max Allegri, il-partita ta’ għada kontra Napoli se tkun l-aħħar ċans ta’ Andrea Pirlo

Rapporti fil-media Taljana li ħarġu fl-aħħar sigħat qed jindikaw li Juventus għamlu kuntatt mal-ex kowċ tagħhom Massimiliano Allegri biex jaraw il-possibbiltà li jerġa’ jirritorna.

Juventus imisshom jirkupraw partita waħda, dik ta’ għada kontra Napoli u jidher ċar li dan se jkun l-aħħar ċans għal Andrea Pirlo fil-kariga tat-tim.

Il-partita ta’ għada hi importanti ħafna għal Juventus fil-mixja tagħhom biex isibu post mal-ewwel erbgħa fil-klassifika li jfisser ukoll UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.

Jidher li Andrea Agnelli diġà għamel kuntatt ma’ Allegri biex ikun hu li jispiċċa dan l-istaġun mal-Bianconeri u jibdew kuntratt ġdid mill-istaġun li ġej.

Allegri kien preżenti fi Stadio Grande Torino jsegwi d-derby tas-Sibt li għadda bejn Torino u Juventus li ntemm fi skor ta’ 2-2.

Max Allegri kien kowċ ta’ Juventus sal-istaġun 2018/19. Fil-ħames staġuni li għamel ma’ Juventus, Allegri rebaħ ħames kampjonati u tilef żewġ finali tal-UEFA Champions League kontra l-Barcelona u r-Real Madrid.

Miktub minn...
TVM Sport