Futbol internazzjonali
Kuntratt identiċi għall-plejers nisa u rġiel li jilagħbu mat-tim nazzjonali Amerikan

Il-Federazzjoni tal-Futbol Amerikan offriet kuntratti identiċi lill-assoċjazzjonijiet tal-plejers tal-irġiel u tan-nisa. Fi stqarrija maħruġa mill-Federazzjoni ntqal kif inbniet struttura li tħallas l-istess lit-timijiet nazzjonali tal-pajjiż, huma ta’ liema sess huma.

Dan kollu ħareġ wara snin ta’ litigazzjonijiet bejn il-Federazzjoni u l-Assoċjazzjoni tal-Plejers Femminili Amerikani. Il-ġlieda kienet dwar il-ħlasijiet li kienu jirċievu, għaliex in-nisa li jilagħbu fit-tim nazzjonali kienu jirċievu anqas mill-irġiel. Il-każ kien saħansitra spiċċa fil-Qorti fejn għalkemm il-Maġistrat m’aċċettax it-talba tal-plejers femminili, ħareġ li l-Federazzjoni kienet qed tiddiskrimina bejn l-irġiel u n-nisa. Fl-aħħar żviluppi, il-Federazzjoni qalet li anke l-flus li jingħataw mill-FIFA ser jibdew jitqassmu b’mod ekwu fuq iż-żewġ timijiet nazzjonali.

Ftit tal-jiem ilu, il-President tal-Federazzjoni Cindy Parlow Cone qalet li kien hemm diskrepanza kbira fil-flus li l-FIFA tagħti għall-futbol tal-irġiel u tan-nisa. Jidher li t-tim nazzjonali tan-nisa rċieva $30 miljun għax ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja, filwaqt li sena qabel, it-tim nazzjonali tal-irġiel ħa $400 miljun għax ħa sehem f’kompetizzjoni simili.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA